Għaliex il-Partit Nazzjonalista mhux qed javvanza fis-surveys?

Blog post minn osservatur politiku

F’għeluq is-sena ta’ Bernard Grech hemm diversi affarijiet li marru żmerċ. Forsi l-aktar ħaġa li qed tibgħat sinjal ċar ta’ negattivita huma s-sondaġġi. Kull min qed jagħmilhom, qed juru differenza bejn iż-żewġ partiti ta’ aktar minn 10% li jfissru iżjed minn 30,000 vot.

Imma agħar minn hekk hemm id-distakk bejn iż-żewġ mexxejja li qiegħed ħafna iktar mid-distakk ta’ bejn iż-żewġ partiti. Dan ifisser li hemm diversi nies li qed jafdaw lil Robert Abela, li b’mod awtomatiku jivvutaw lill-Partit Laburista, minn dawk li qed jafdaw lil Bernard Grech.

Is-sondaġġi qed juru aktar sinjali negattivi għall-kap tal-Oppożizzjoni meta jidher ċar li hemm potenzjal ħafna iktar qawwi għall-Partit Laburista li jkabbar in-numru ta’ votanti tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista mhux qed juri dawn il-possibilitajiet.

Se nfakkar kemm kien hemm kritika lejn il-kap preċedenti, minħabba n-numri tas-sondaġġi li kien hemm madwar sena ilu, bejn wieħed u ieħor, fil-livell li qiegħdin bħalissa. Fil-fatt, waħda mir-raġunijiet li ngħataw mid-deputati ribelli f’dak iż-żmien, biex iwaqqgħu lill-kap preċedenti, kienet in-numri tas-sondaġġi.

Dak iż-żmien min kellu l-aġenda li jwaqqa’ lill-kap preċedenti, illum qiegħed jaħsibha jagħmilx l-istess talba li kienet saret aktar minn sena ilu? Is-sitwazzjoni kif kienet sena ilu u kif inhi qiegħda llum, titlob li l-Partit Nazzjonalista jirrifletti jekk inħlewx tliet snin ta’ pettikolezzi u battibekki li waslu biss biex inbidel persuna fl-għola post, imma n-numri warajh baqgħu l-istess bħalma kienu, jekk ma marrux għal agħar ukoll. Jiġifieri, biex tkun ċara, l-elezzjoni ta’ kap ta’ sena ilu ma swiet għal xejn f’termini elettorali. Dan ovvjament ma jurux prospetti politiċi nkoraġġanti għal Bernard Grech.

Xi ħaġa negattiva wkoll li qed tirrifleti fuq Bernard Grech huma l-proposti fl-arja jew mhux moħmijin tajjeb. Dan jsiru biex jiġi aġevolat biss il-partit oppost. Qed ngħid hekk għax ħafna mill-proposti ma kellhomx biżżejjed saħħa u ma jiġux f’pakkett sħiħ u b’hekk jiġri li ma jittieħdux bis-serjeta’ li jkun jixirqilhom.

Eżempju ċar ta’ dan kienet il-porposta dwar żvilupp f’żoni l-barra miż-żoni ta’ żvilupp li jridu jkunu approvati biż-żewġ terzi tal-deputati parlamentari. Din kellha kważi tiġi rtirata kollha u titressaq waħda preċiża li turi li proġetti maġġuri se jersqu quddiem il-parlament. Imbagħad Bernard Grech mar fuq program televiżiv u reġa’ ta l-impressjoni li kollox se jersaq quddiem il-Parlament.

Dawn huma tipi ta’ proposti li flok ġid għall-partit jagħmlu ħafna ħsara, għaliex kulħadd jifhem il-mod dilentattesk li bihom isiru. Dan ipoġġi l-wegħdi ta’ Bernard Grech f’dawl xi ftit ikrah għax tnaqqas mill-kredibilita’ tal-istess proposta. L-isfortuna hi, li dan mhux eżempju uniku. Eżempju ieħor huwa ż-żieda fil-paga għall-għalliema u għall-infermiera. Anke din iż-żieda hija proposta oħra fl-arja għax ma humiex koperti minn pjan jew minn xi costings.

Dawn il-proposti qed iħallu l-ispazju biex il-partit fil-Gvern jilħaq jisma, jevalwa, jistudja u jagħmel il-costings. Il-partit fil-Gvern qed ikollu l-kapaċita’ li joħroġ b’wegħdi simili imma mibnija b’mod strutturat, bi prezz kemm se tiswa u allura ħafna iktar kredibbli.

Huwa tajjeb li l-Partit Nazzjonalista qed ikun aktar propożittiv imma jkun aktar tajjeb li l-istess partit ikun aktar strateġiku. Jekk ma jsirx dan, ikun qed jagħti biss pre-avviż tal-wegħdi elettorali lill-avversarju politiku tiegħu. Dr Grech ma jistax jibqa’ jagħmel il-proposti u ma jlaħħamhomx għax ikun qed jagħżaq fl-ilma. Il-Partit Nazzjonalista diġa’ għadda minn din l-esperjenza fl-2017 u suppost tgħallem ħafna mill-iżbalji li bħala partit diġa’ wettaq.

One comment

Leave a Reply