Analiżi tal-intervista ma’ Bernard Grech (it-tieni parti): ottimiżmu u konvinzjoni

Minn osservatur politiku

It-tieni parti tal-intervista tkompli b’Bernard Grech jgħid li l-politiċi għandhom jiddeċiedu huma jekk isirux membri parlamentari full-time jew part-time. Imbagħad qal li għandu bżonn nies madwaru mhux ikollu biss xufier imħallas mill-parlament. Dr Grech kien qed jagħmel paragun mal-Gvern li għandu 28 Ministru bil-konsulenti u bl-istaff. Bernard Grech irid li jkollu esperti miegħu u mhux biex jagħmel rapport irid joqgħod jittallab.

Meta mistoqsi dwar il-greylisting, Dr Grech qal li kollox jorbot mal-kredibilita’. Bħala eżempju qal li jekk tmur f’ħanut u ssibu maħmuġ ma terġax tmur fih jekk ma jinbidilx il-management. Imma meta l-ġurnalist qallu li għalkemm l-FATF semmiet tliet raġunijiet għalfejn Malta weħlet mill-eżami, li jinbidel il-Gvern ma kienetx waħda minnhom. Dr Grech qal li jekk jinbidel il-Gvern ikun qed jingħata assigurazzjoni lill-FATF li dak li għandu bżonn isir, jista’ jsir.

Meta mistoqsi dwar l-Awtorita’ tal-Ippjanar Dr Grech qal li ma jridx li jkollu rappreżentant fuq awtorita’ li taqdi lil min għandu l-flus u lil min ma għandux tagħmillu ħajtu diffiċli. Bil-kontra l-Partit Nazzjonalista huwa rappreżentat fuq l-Awtorita’ tax-Xandir għalkemm max-Xandir il-Partit għandu problemi kbar. Il-ġurnalist għadda kumment fejn qal lil Dr Grech, li jekk ma tinnominax rappreżentant fuq l-Awtorita’ tal-Ippjanar, tkun qisu qed tieħu t-triq il-faċli li hija wkoll triq konvenjenti. Dr Grech qal li xorta ma jagħmilx differenza għax fl-Awtorita’ tal-Ippjanar il-Partit qiegħed f’minoranza assoluta.

Wara l-ħafna kritika fuq l-inċineratur, Dr Grech qal li l-pajjiż, f’ċertu oqsam, hemm affarijiet li jridu jsiru, u l-inċeneratur huwa wieħed minnhom. Meta mistoqsi dwar kif se jsolvi l-problema tar-rimi mill-kostruzzjoni, Dr Grech qal li hemm bżonn inħarsu lejn il-problema ta’ kif nistgħu nevitaw dan ir-radam u kif nistgħu nerġgħu nużawh. Fuq ir-reklamar tal-art, Bernard Grech qal hu mhux kontra din il-linja ta’ ħsieb u kompla li għandu ħafna ideat imma mhux se jiżvelhom għalissa.

Il-ġurnalist staqsa x’jiġri minn Dr Grech jekk il-Partit Nazzjonalista jitlef bl-istess marġni li l-Partit tilef fl-2017 peress li s-surveys mhux qed ipinġu stampa sabiħa għall-Partit Nazzjonalista? Dr Grech qal li l-ġurnalist ma għandux jistaqsi l-mistoqsija ‘jekk jiena nitlef’ imma għandu jistaqsi ‘x’qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista llum’. Dr Grech qal li hu qed jaħdem, mhux biex jerbaħ hu, imma biex jerbaħ il-pajjiż u biex jagħti lura lill-pajjiż il-kredibilita’. Il-ġurnalist qallu li dak huwa kliem sabiħ imma bilfors li qed taħseb fuq jekk ir-riżultat ikun ħażin. Dr Grech ikkonferma li veru jaħseb imma ma jħalliex dan il-ħsieb negattiv jinfluwenzah u ma jħallix is-sitwazzjoni ħażina ta’ bħalissa tikkondizjonah.

Tajjeb kieku taħseb li se tirnexxi. Tajjeb li tkun pożittiv. Imma tkunx ikkondizzjonat jew le, riżultat ħażin jista’ jiġi dejjem. Il-problema kbira li jrid jammetti Dr Grech hija li l-messaġġ tiegħu, li hu jqisu pożittiv, il-poplu għalkemm semgħu għadu ma aċċettahx u għadu mhux qed jara stabilita’ u abilita’ biżżejjed biex jafda l-Gvern lill-Partit Nazzjonalista.

Almenu f’din l-intervista Dr Grech qatt ma qalilna li qed jistenna għal ‘meta jsir Prim Ministru’. F’din l-intervista qagħad lura minn dan il-kliem. Ir-riflessjoni li wieħed jagħmel hija li Dr. Grech ta’ tweġibiet konvenjenti. Biss din l-intervista, kif kienet rappurtata fuq The Sunday Times, uriet li hemm ħafna ottimiżmu fit-tweġibiet ta’ Dr Bernard Grech biss nibża’ li dan l-ottimiżmu għadu ftit il-bogħod biex ikun konvinċenti.

One comment

Leave a Reply