L-onesta’ tal-Maġistrat Joe Mifsud tidher li qed iddejjaq lil xi ġurnalisti tat-Times of Malta
Il-bieraħ, The Sunday Times tefgħet fuq l-ewwel pagna aħbar sensazzjonali. Qaltilna li l-Maġistrat Joe Mifsud qed ikun investigat fuq evażżjoni tat-taxxa. Jien lill-maġistrat Mifsud ili ma narah żmien. L-aħħar li rajtu u kellimtu naħseb kien ħafna snin ilu meta kien għadu avukat u kien ġie mistieden għall-party li l-Partit Nazzjonalista kien (u naħseb għadu) jagħmel lill-membri tal-korp diplomatiku.
Biss lill-Maġistrat Mifsud insegwih mill-media. Naf li ċertu setturi tas-soċjeta’ ma jaħmlux għax hu dritt u ma jibżax jgħid l-affarijiet kif inhuma. Ma hu f’but ħadd. Biss dan l-aħħar qed ikun taħt attakk mindu ma mexiex mal-aġenda ġurnalistika u llibera lil dawk li ġew akkużati li żammew ġurnalisti f’kamra kontra r-rieda tagħhom. Infakkar li ġa kien hemm attakk minn l-ex-prim imħallef fuq interpretazzjoni ta’ kelma arkajka bl-Isqalli li tintuża fil-lingwaġġ legali Malti. Ġimgħa ilu, eżattament il-Ħadd 26 ta’ Settembru, Lovin Malta kitbet artiklu fuq ħu l-maġistrat Mifsud, Mario Mifsud, u f’dan l-artiklu ssemmejt jien għaliex b’kumbinazzjoni Mario Mifsud hu wieħed mill-avukati tiegħi. Issa ħarġet din l-istorja fuq il-Maġistrat Mifsud li aħjar nidħaq flok nibki.
Dak li naf fuq il-Maġistrat Joe Mifsud hu li bniedem karitattiv ħafna. B’hekk jekk ser jagħmlu tfittix fuqu u jaraw l-istil ta’ ħajja tiegħu, aspetti ta’ karita’ ser isibu. Biss l-aktar interessanti kien it-tmiem ta’ dan l-artiklu. Fih qalulna li din it-tip ta’ inkjesta qed issir fuq il-maġistrati u l-imħallfin kollha. Mela l-mistoqsija tiġi waħidha. Għala f’dan l-artiklu issemma’ Joe Mifsud u ma ntqalx mill-bidu li din il-“probe” qed issir fuq il-membri kollha tal-ġudikatura? Sinjal li dan rifes xi kallu ta’ xi ħadd, u dan l-artiklu ntuża f’attentat iddisprat biex jintefa’ t-tajn fuq dan il-maġistrat. Daqt tara l-brigata ta’ Daphne jgħidu li ktibt dan l-artikli għax qed iħallasni Joe Mifsud!
Imbagħad il-ġurnalisti jieħdu għalihom għax jien nikteb kif nikteb u ngħid li ngħid dwar x’uħud minnhom. L-onesta’ ta’ Joe Mifsud tidher li qed iddejjaq bil-kbir lil ċertu ġurnalisti tat-Times!


It TIMES OF MALTA lisejra l-ura bhal granc trid taqbaghad ma xi hadd.