Il-firdiet tal-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ħadd 3 ta’ Ottubru l-Partit Nazzjonalista kien qed jiċċelebra għeluq l-ewwel sena minn meta Dr Bernard Grech sar Kap tal-Partit. Qrajt b’interess l-analiżi li għamlet il-gazzetta Illum fuq din l-aħħar sena tal-Partit Nazzjonalista. Bħal lum sena l-Partit kien ħiereġ minn taqbida pjuttost sħuna li ħalliet bil-fors partit mifrud u maqsum. Li ma semmiex il-ġurnal kienet, fejn verament kienet l-akbar qasma u l-aktar firda fil-partit, bħal dan iż-żmien sena?

Ir-risposta għandha tkun li l-aktar li saret ħsara kienet mid-deputati stess. Dawn kienu l-mutur tat-tixrid tal-firda u kienu l-aktar nies li saħħnu l-irjus u l-imħuħ. Huma d-deputati li rreduċew il-qasma goffa li saret fil-Partit Nazzjonalista. Iridu jkunu dawn, hekk imsejħin ribelli, li jridu jħabbtu fuq sidirhom u jgħidu li kienu huma li firdu b’mod goff il-partitarji u sostenituri tal-Partit Nazzjonalista. Dawn huma n-nies li jrid jasal iż-żmien li kollha kemm huma, u jafu sew min huma, jridu jitolbu skuża għal dak kollu li għamlu, għall-qlajjiet kollha li qalgħu, għat-tixrid tal-gideb li huma rrepetew mal-erbgħat irjieħ ta’ Malta u Għawdex, u għal forza li huma ħadmu fuqha biex l-iskop ta’ moħħhom jirnexxi.

L-analiżi tal-gazzetta tirreferi għal sena iddominata minn xeni ta’ għajjat, battibekki u tgħajjir fost il-familja Nazzjonalista stess. Ma dan ma naqbel xejn. Dawk l-affarijiet koroh imsemmija, kienu fl-agħar tagħhom fit-tliet snin tat-tmexxija ta’ qabel din. Kienu dawk it-tliet snin, anżi minn qabel saret l-istess elezzjoni ta’ kap fl-2017, li beda jinstema l-għajjat, bdew jitfajru l-battibekki u ssaħħaħ it-tgħajjir bejn aħwa Nazzjonalisti.

Kif saret l-elezzjoni tal-Kap fl-2020 dan kollu waqaf f’livelli għoljin tal-partit. Baqgħu għaddejjin fuq il-media soċjali imma l-qalb miġugħa trid iż-żmien biex tfiq, id-diskors żejjed mhux dejjem faċli biex taqtgħu u l-battibekki jekk ħadd ma jieqaf se jkomplu għaddejjin.

Il-gazzetta tkompli tgħid li issa huwa żgur li l-partit qed jingħaqad u dan qed jidher minn barra. Qalet ukoll li l-Partit issa qed jidher ħafna iżjed kompatt u magħqud. Il-gazzetta għamlet enfasi fuq ‘minn barra’. Naqbel mal-ġurnal u nammetti li l-partit qed jagħmel ħiltu kollha biex juri stampa ta’ għaqda għax nafu li qiegħdin lejlet elezzjoni u allaħares ma jsirx hekk għax inkella l-Partit Nazzjonalista jkollu jitfa’ x-xugaman qabel jibda jtellaq. Biss hu fatt li Adrian Delia mhux qed jagħmel ħsara, bħal ma kienu jagħmlu lilu.

Biss il-biża ta’ ħafna hija li din tidher minn barra. Anke l-gazzetta qed turi d-dubji tagħha. L-inkwiet ta’ ħafna huwa li internament fid-Dar Ċentrali u qalb l-istess grupp li ħadem biex ineħħi lil Delia, mhumiex kuntenti b’Bernard Grech. L-aktar importanti, jiġifieri l-grupp parlamentari, ma tantx qed jagħtuna x’nifhmu li hemm xi għaqda spettakolari. Fil-fatt id-diċerija qawwija li hemm fid-Dar Ċentrali hija li madwar il-kap, il-ġenerali ta’ madwaru ma tantx qed jidhru li qed jiġbdu l-istess ħabel. Donnhom hemm daqsxejn trikkitrakki mhux ħażin bejniethom.

Imma forsi l-agħar inkwiet li għandu bħalissa l-Partit Nazzjonalista jeżisti fil-grupp parlamentari tiegħu. Hemm wisq diżilluzzjoni f’dawn in-nies. Hemm wisq nuqqas ta’ qbil. Hemm wisq differenza ta’ ideat. Hemm wisq nuqqas ta’ sinerġija li tibda’ tgħid u tastaqsi, dawn jista’ jkun li jħaddnu l-istess prinċipji li fuqhom hu mibni l-Partit Nazzjonalista. Fost id-deputati tiegħu, l-partit għandu tant diviżjoni li hemm barra biss qed jippruvaw ibenġlu s-sitwazzjoni, għaliex bejn l-erba’ ħitan l-istorja hija totalment differenti.

One comment

Leave a Reply