Where your opinion counts

L-ewwel anniversarju ta’ tmexxija ta’ Bernard Grech: surveys juru li s-sitwazzjoni hija aktar agħar

Għal ħafna Nazzjonalisti llum qed tiġi mfakkra l-ġurnata meta saret elezzjoni li permezz tagħha twarrab mexxej li kien tela’ kap bl-aktar mod demokratiku u trasparenti, biex ġie maħtur ieħor li tela’ b’mod demokratiku.

Ma nafx kif dak li ġara sena ilu ser jibqa’ mfakkar fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Għalkemm kien hemm elezzjoni li wriet biċ-ċar lil fejn xaqilbet, xorta kienet elezzjoni li ma missa qatt saret. Biex intlaħaq il-għan għal fejn saret l-elezzjoni ntuża gideb sfaċċat. Il-kampanja kienet kollha mibnija fuq sensiela ta’ gideb ġejjin mill-kamp ta’ ribelli li laħaq issaħħaħ fil-Partit Nazzjonalista. Ħafna emmnu din in-narrattiva ta’ dawn deputat li, ma nkunu qed ngħidu xejn ġdid ħlief jibnu fuq narrattiva ta’ gideb li bdietha Daphne Caruana Galizia u l-klikka tagħha.

Numru ta’ deputati ħolqu stejjer varji u kkuluriti. Ma kienux kuntent biss li jxandruhom, imma kienu determinati, akkost ta’ kollox, li jibnu kampanja tal-elezzjoni tal-kap fuq dawn id-diversi narrattivi foloż li ħolqu. Allaħares nibda nsemmi d-deputati, kif ukoll nies influwenti fil-partit li ġew illupjati minn dan il-gideb.

Żewġ deputati qaluli f’wiċċi, li huma ma humiex lesti li jagħtu l-backing tagħhom lill-persuna li kien għaddej jimmessaġġja ma’ Yorgen Fenech. Ma jistax ikun, qalu dawn iż-żewġ deputati li kellmu lili, li jappoġġjaw lil xi ħadd li qiegħed f’konverżazzjoni kontinwa ma’ allegat kriminal kbir. Trid tesperjenza biex temmen. Jiena nixtieq nistaqsi lil dawn iż-żewġ deputati x’jgħidu llum li daru kontra l-kap tagħhom fuq storja inventata u maħruġa minn kull kuntest. Dak li nista’ ngħid li llum jiddispjaċihom mill-għażla li għamlu.

L-istorja ta’ dan l-avveniment għad trid tinkiteb u nispera li l-istoriku li se jikteb din il-parti tal-istorja jkun veritier u ġust mal-fatti, ħalli almenu min ħaqqu jiġi ttimbrat bħala giddieb u jitniżżel tali u min ma ħaqqux iġorr piż li mhux tiegħu, jitniżżel fl-istorja bħala innoċenti. Imma l-istorja qed turina li x-xitan ma għandux ħalib imma jagħmel il-ġbejniet.

Issa l-ġurnali li appoġġaw din in-narrativa ta’ dawn ir-ribelli u għorrief politiċi, qed jgħidu li Bernard Grech ma għandux resistenza interna bħal ma kellu Adrian Delia. Dan hu minnu. Biss kif ser ikolli ċan nuri f’artikli oħra, is-sitwazzjoni hija agħar. Dan qed juruh is-surveys. Fuq kollox, qatt daqs illum ma kien hemm għaqda fil-grupp parlamentari. Din l-għaqda llum hija kontra l-istess kap tagħhom.

Fil-verita’, anki jekk Bernard Grech ma għandux resistenzi interni, ma kienx kapaċi jiġbor madwaru lil kulħadd. Dan qed iwassal biex sena wara, il-Partit Nazzjonalista qiegħed agħar milli kien sena ilu. Dawn ir-ribelli u ta’ madwarhom urewna li lanqas fjut politiku ma għandhom. Kien jinteresshom biss li jneħħu lil min gidbu fuqu u jitpoġġa xi ħadd ieħor, ikun min ikun. Illum il-Partit Nazzjonalista spiċċa b’kap li mhux kuntent bih l-istess grupp parlamentari li eleġġih.

Tant kienu għomja fil-ħsieb tagħhom dawn ir-ribelli li lanqas għamlu differenza bejn il-fatti u l-għajdut. Waqt li bnew narrattiva fuq stejjer kollha miġbura minn għajdut, għaliex għadna sal-lum nistennew li jitfaċċaw il-provi neċessarji biex l-għajdut isiru fatti. Imbagħad kien hemm fatti fuq il-kap preżenti, bħal ma kienet in-nuqqas ta’ pagamenti ta’ taxxa u vat li lanqas biss taw kashom. Biss dawn il-fatti qed ikollhom effett fuq l-elettorat Malti.

Is-sitwazzjoni hija li sena wara din l-għażla, ma tidher imkien rebħa politika għall-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *