Il-maratona tal-lum tal-PN: orkestrazzjoni mill-bidu sal-aħħar favur il-protezzjoni tal-ħajja
Blog minn Dr Hermann Farrugia, Tabib Endokrinoloġista.
L-analiżi xjentifika tad-DNA tikkostitwixxi għodda determinanti, anzi arma diswassiva kontra l-kriminalita’. Kienet din l-arma li wasslet biex uriet b’mod xjentifiku kemm hu kritiku l-punt tal-fertilizazzjoni (meta jiltaqgħu u jingħaqdu l-gameti) bħala l-bidu tat-tnissil. L-istatut tal-Partit Nazzjonalista jagħti protezzjoni inekwivoka lit-tnissel bħalha l-bidu kardinali ta’ kull ħajja umana. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista għandu jkun kontra d-distribuzzjoni mhux kontrollata jew l-għoti b’xejn bla kontroll tal-pillola tal-emerġenza Kontraċettiva (MAP) lin-nisa kollha minn sittax-il sena ‘l fuq.
Nixtieq nemfasizza li jien hawn qed nitkellem fuq il-pillola tal-emergenza. Jien kontra l-promiskwita’. Biss nixtieq ngħid li jien ma jienx kontra dik li tissejjaħ “hormonal contraceptive pill” bħal ma kien ġie interpretat b’mod ħażin jew tal-apposta minn MaltaToday u Lovin’Malta madwar ġimgħtejn ilu.
Biss din il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista qed iġġib magħha taħwid u tiżgwid kbir għall-istess partit.
Illum mis-2 pm ’il quddiem, il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jorganiżża maratona għall-ġbir ta’ fondi. Sa hawn xejn ħażin. Anzi nħeġġeġ lin-Nazzjonalisti biex jagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom.
Biss dan il-partit irid jieqaf ikun il-partit tad-“doppia faccia”. Dan għaliex dan wassal biex il-kap Nazzjonalista qed jidher li min-naħa qed jimpala u saħansitra jakkomoda lill-fazzjoni żgħira ultraliberali li isegwu l-linja pro-xelta. Din il-fazzjoni hija voċifera u ssejjaħ lilha innifisha Nazzjonalista, liema titlu hu anomalu għalihom għax ma joqgħodilhom assolutament xejn.
Illum stennew li din l-maratona tintuża biex tiġi orkestrata, mill-bidu sa’ l-aħħar (nifs), immaġni ta’ partit favur il-ħajja biex ikun assigurat il-ġbir tal-flus. Dak li jrid jingħad li din il-pożizzjoni li ħa l-Partit Nazzjonalista favur dan il-grupp ultraliberali qed tkun issa ta’ nkwiet għall-istess partit għaliex il-membri tiegħu stess qed jindunaw li dan hu partit li qed imur kontra l-istess statut tiegħu.