Lisa Spiteri ma tibqax fil-core group tal-Partit Nazzjonalista

Dan is-sit huwa nfurmat li Lisa Spiteri ma għadhix fil-core group ta’ madwar il-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Minflok reġgħet lura tagħmel programmi fuq n-NET TV.

Infakkar li Lisa Spiteri kienet ġiet fdata minn Adrian Delia fl-uffiċċju informazzjoni. Lil Adrian Delia tagħtu l-grazzi meta ħadmet kontrieh fit-tieni elezzjoni għall-kap. Dan kien wassal biex din l-amministrazzjoni tatha rigal u għamlitha direttur.

Dan is-sit huwa infurmat li Lisa Spiteri ma għadhiex direttur u reġgħet intbagħet lura tippreżenta programmi fuq it-TV. Ir-raġuni għala spiċċat terġa’ tippreżenta NET LIVE m’hix misteru fid-Dar Ċentrali. Sorsi fit-tielet sular qaluli li Lisa Spiteri qalgħet ħasla tajba u tneħħiet mir-risponsabbiltajiet li kellha, u saħansitra spiċċat minn direttur. Ovvjament, biex jiġġustifikaw il-paga tagħha, tawha tippreżenta programm kuljum fuq in-NET. Skond l-informazzjoni li daħlitilti, jidher li Lisa Spiteri kisret il-fiduċja ta’ nies qrib ħafna ta’ Bernard Grech, tant li warbuha għal kollox mill-‘core group’ tal-kap.

Meta tfaċċa Chris Peregin u ried iġib it-team tiegħu, iżjed u iżjed ma kienx hemm post għal Lisa Spiteri fit-3 sular. B’hekk, biex jagħlqulha ħalqha, tawha tippreżenta program televiżiv ta’ kuljum, tawha NET LIVE. Din hi ftit mit-tensjoni li hemm bħal issa fid-Dar Ċentrali bejn in-nies ta’ Peregin u dawk li ilhom jaħdmu u jimmilitaw fil-Partit Nazzjonalista għal ħafna snin.

Min-naħa tiegħi, jien bgħatt messaġġ lis-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino dwar din l-istorja u staqsejtu jekk Lisa Spiteri tneħħitx minn Direttur u staqsejtu x’kienet ir-raġuni. Sal-lum għadni bla tweġiba.

Meta tisma’ dawn l-affarijiet li qed jiġru fid-Dar Ċentrali u tħawwarhom mal-kawlata ta’ aktar diċeriji li ta’ sikwit nisimgħu fuq il-ġenerali li għandu madwaru Dr Bernard Grech, tibda tgħid li fid-Dar Ċentrali hemm borma mħawra sewwa. Never a dull moment, f’din id-Dar Ċentrali. Dejjem xi kwestjoni ġdida. Donnu daħal mingħul li ma jrid joħroġ b’ebda mod.

U kulħadd kien ferħan u kulħadd kien ċert li kollox se jibda miexi fuq ir-rubini, dan kollu għax tneħħa l-kap tal-partit u ta’ madwaru. Xi żball kbir! Illum is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista hija agħar milli kienet fi żmien Adrian Delia. Kemm ġew imqarqa ħafna nies! Kemm belgħu lixka ta’ gideb u ta’ fantażiji dawk il-ħafna li kienu ċerti mit-tisħiħ tal-partit kif jinbidel il-kap! Ma setgħux marru aktar żmerċ. Ma nistax nifhem kif dawn in-nies jistgħu jgħidu li huma trankwilli bis-sitwazzjoni li għaddej minnha bħalissa l-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply