Mhux aħjar Bernard Grech juża l-espressjoni “meta nkun fil-Gvern” minflok meta “nkun prim ministru”!

Blog post minn osservatur politiku

Ftit tal-ġimgħat ilu ttella’ artiklu fuq dan is-sit li għamel kritika f’waqta lill-kap tal-Partit Nazzjonalista li kien qed juża ħafna l-kelma jiena flok il-kelma aħna. Kien artiklu f’waqtu għaliex tajjeb li jitfakkar li partit politiku ma jagħmlux il-kap tiegħu waħdu. Partit politiku huwa magħmul min-numru ta’ persuni li jridu jinġabru madwar il-kap tagħhom biex jippruvaw jagħmlu l-ġid lill-pajjiż u lill-poplu tiegħu.

Wasal iż-żmien li għal darba oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni jiġi kritikat għall-kliem mhux f’waqtu li juża. Issa wara li forsi warrab mhux ħażin il-jien, issa qabad massma oħra u qed jirrepeti kontinwament ‘meta nkun Prim Ministru’ jew xi ħaġa simili tagħha. Possibbli ma jirrealizzax li hu ma jista’ jkun qatt Prim Ministru waħdu, għax biex jasal għal dik il-pożizzjoni jridu jiġu eletti ħafna nies mil-kamp tiegħu.

Possibbli li ma jafx li waħdu ma jista’ jagħmel xejn, għax din mhux ġlieda presidenzjali, imma hija ġlieda kollettiva. Possibbli ma jindunax li biex ikun Prim Ministru jrid ikollu ħafna nies warajh li jagħtuh is-sostenn tagħhom. Allura ma jindunax li jekk jibdel il-kliem minn ‘meta nkun Prim Ministru’ għal ‘meta nkunu fil-Gvern’ ikun qed jgħaddi aktar messaġġ aktar attraenti.

Fuq dan is-suġġett, f’dawn l-aħħar ġranet, kont qed nisma lill-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Partit tal-Labour Ingliż, Keir Starmer, fejn għamel diskors fil-konferenza tal-Partit tiegħu ta’ siegħa u nofs. Tiskanta kif dan il-Kap tal-Partit fl-Oppożizzjoni qatt ma lissen li se jagħmel xi ħaġa f’ismu, imma dejjem tkellem fuq il-kollettivita tal-partit tiegħu. Qatt ma qal li l-partit tiegħu se jagħmel xi ħaġa meta jkun Prim Ministru. Imma dejjem irrefera għal meta hu u l-partit tiegħu jkunu fil-Gvern. Jaf sewwa li waħdu dan il-Kap ma jista’ jagħmel xejn. Imma flimkien ma sħabu jkun jista’ jagħmel ħafna.

Imbagħad tisma’ lil Dr Bernard Grech waqt intervista jew diskors u l-ħin kollu jirrepeti meta se jkun Prim Ministru hu. Tant qed jirrepetiha li lanqas biss qed jinduna li f’risposta waħda ta’ mistoqsija li għamillu ġurnalist, qal darbtejn li meta se jkun Prim Ministru hu. Forsi xi ħadd irid jispjegalu li ma hemmx għalfejn joqgħod jitkellem f’ismu, għax jekk jitkellem f’isem il-partit li jmexxi, kulħadd jaf li jekk jerbaħ il-partit tiegħu, hu, b’mod awtomatiku, jkun il-Prim Ministru tal-pajjiż.

Donnhom l-istrateġisti tal-partit tiegħu daħluha f’rashom li jimpurthom biss li jonfħu lill-Kap tagħhom u ma jimpurthom minn ħadd iżjed. L-importanza tal-kap teżisti imma ma tfisserx li kollox marbut madwaru. L-isfortuna hi li l-istrateġisti qed jorbtu kollox ma’ Dr Bernard Grech, meta n-numri mhux qed ipoġġuh fuq livell tajjeb. Anzi n-numru ta’ kull xahar qed juru li ma tantx qed jippenetra fl-imħuħ u fis-simpatija tal-elettorat. Mela jekk iż-żiemel prinċipali tal-partit mhux qed jagħti dawk ir-riżultati mistennija, kulħadd jifhem li l-għajta għandu tkun ta’ kolleġġjalita’.

One comment

Leave a Reply to qurdina Cancel reply