Infettqu fuq il-flokkijiet waqt li titmexxa kampjana fuq stil presidenzjali
Blog post minn osservatur politiku
Kemm spiċċa jfettaq il-Partit Nazzjonalista fuq ftit flokkijiet. Għad hemm min jippreżenta programmi fuq ir-radio u jsemmi dawn l-imbierkin flokkijiet. Kif jista’ jkun li partit politiku jinħela f’dawn iċ-ċuċati u jaħli l-enerġija u l-ħin tiegħu jiddiskuti xi ħaġa li ġrat għaxar t’ijiem ilu.
Kif jista’ jkun li partit politiku li jrid jiffaċċja elezzjoni ġenerali fi żmien qasir, jibqa’ jaħli ħin ta’ dibattitu fuq xi ħaġa tant stupida u rrelevanti. Dik kienet deċiżjoni ta’ ftit nies li għandhom il-kandidat preferit tagħhom u tawh sorpriża billi wrew li se jibqgħu jgħinuh fil-kampanja elettorali tiegħu sal-elezzjoni li ġejja.
Dawk huma nies li jkollu kull kandidat madwaru meta jasal iż-żmien li tikkarga iżjed il-kampanja elettorali. Kif anke ftit kultura politika, li tant rajniha ftit tas-snin ilu, spiċċat taħli l-ħin tal-ġurnalisti u tal-kap tal-partit, li flok naqqas l-importanza tal-istorja jew l-avveniment, ħa sbriga minnu biex taparsi juri li qed jagħmel id-dixxiplina.
Il-mistoqsijiet jiġu waħedhom, għalfejn għandu jiġi mkaxkar il-kap ta’ partit f’diskussjonijiet frivoli bħal dawn? Għalfejn għandu kap ta’ partit politiku jiġi mistoqsi r-reazzjoni tiegħu fuq storja ta’ sinifikat sekondarju għal dak li qed jiġri f’pajjiżna? Kif xi ħaġa ta’ importanza relattiva għandha tagħmel parti minn mistoqsijiet ta’ ġurnalisti, suppost rinomati, li flok jistaqsu fuq realtajiet ta’ importanza nazzjonali iwaqqgħu d-diskussjoni fuq pettekolezzi.
Ara x’differenza se tagħmel lill-pajjiż kif libsu ftit nies biex marru fuq il-Fosos. U hawn fejn jiżbalja l-Partit Nazzjonalista li qed jagħti importanza biss lill-kap tal-partit u jinsa jew jitfa’ fil-ġenb l-istampa globali tal-partit kollu. Meta l-partit, fir-riżultati tas-surveys sejjer ħafna aħjar mil-kap tiegħu, l-Partit Nazzjonalista għandu jirrejalizza li l-għajta fil-kampanja elettorali għandha tkun fuq il-partit mhux jibqgħu jimbuttaw l-figura ta’ Dr Bernard Grech, meta huwa ċar li dan l-avukat mhux qed jagħmel avvanzi, meta mqabbel mal-kontra parti tiegħu Dr Robert Abela.
L-impressjoni li qed tingħata hija li fil-Partit Nazzjonalista, kulħadd qed jaqdef għal rasu. Ma hemmx dixxiplina biżżejjed biex kulħadd, u hu importanti li nenfasizzaw kulħadd, jiġbed l-istess ħabel. Jidher ċar li ma hemmx koerenza u ma hemmx strateġija li ddaħħal lil kull kandidat għall-elezzjoni ġenerali, jaħdem flimkien. L-istrateġija tidher li hija ffokata fuq il-kap tal-partit, bil-probabilita’ li mhux se tkabbar in-numru ta’ voti.
Il-mod kif il-kandidati kollha qed jersqu lejn l-elezzjoni huwa ċar li kollha kemm huma qed jaħdmu għal rashom. Jidher ċar li ma hemmx strateġija konġunta li kull min hu nvolut jitkellem b’kelma waħda, f’sinerġija u mhux kulħadd jaqdef għal rasu. Qed jintbagħat messaġġ li hemm pandemonju sħiħ bejn il-kandidati u jidher ċar li l-istrateġija li qed tintbagħat mill-partit, jekk hemm, mhux qed taħdem.
L-isfortuna se tkun li tant qed tingħata mportanza lill-kap, tant qed kollox jiffoka fuqu, tant qed jippruvaw jagħmlu kampanja għal ġlieda presidenzjali, tant qed jikkonċentraw biss fuq personalita’ waħda, tant huma għomja fuq din il-personalita li mhux qed takkwista riżultati, li l-Partit Nazzjonalista se jinsa jutilizza s-saħħa tal-grupp kollu. Fil-partit donnu hemm din il-fissazzjoni li nagħtu l-importanza kollha fuq l-aħħar wiċċ ġdid li tfaċċa ftit xhur ilu. Donnu l-Partit jaf li bi grupp ta’ kandidati, numru minnhom antikwati politikament u iġorru piż kbir fuq spallejhom, bin-nuqqas ta’ kandidati ġodda li joffru stoffa, l-istrateġija qed tiffoka biss fuq persuna li, għalkemm qed tipprova, imma ma hiex qed tiġbed lejha votanti li setgħu tbiegħdu mill-istess partit jew oħrajn li huma mxebbgħin mil-partit fil-Gvern.