Il-PN għandu jagħmel tiegħu s-suġġeriment tal-UHM li jieħu l-isptarijiet lura
Blog post minn osservatur politiku
Sinjuri tal-Partit Nazzjonalista, iftħu widnejkom u isimgħu x’qed jgħid is-CEO tal-Union Ħaddiema Magħqudin, Josef Vella. Min dawn għandu jisma’ l-Partit Nazzjonalista. Il-UĦM ilha allejata fl-istess prinċipji mal-Partit Nazzjonalista sa mis-snin 70 u dejjem baqgħet taqbel fuq dawn il-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista.
Il-UĦM qed tgħid lil Gvern biex jieħu lura it-tliet sptarijiet li kienu mogħtija b’konċessjoni. Qed tgħid ukoll li anke l-power station tal-Electrogas għandha terġa’ tiġi f’idejn il-Maltin u titneħħa minn sidien barranin. Il-UĦM dan qed tgħidu bħala parti mill-proposti tagħha għall-budget li ġej.
Josef Vella emfasizza li l-konċessjoni tal-isptarijiet lil Vitals hija serqa kbira fid-dawl tax-xemx u li tagħha pajjiżna ma ħa xejn lura. Is-Sur Vella kompla jsostni li l-Gvern ma għandux għalfejn jistenna lill-qrati jiddikjaraw il-kuntratt null biex jaġixxi. Il-Gvern għandu jaqbad u jieħu lura l-isptarijet immedjatament.
Hawnhekk tara l-inkredibilita’ tal-Partit Nazzjonalista. Huwa tassew tal-iskantament kif fuq dikjarazzjoni hekk b’saħħitha bħal dik tas-CEO tal-UĦM Josef Vella, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ sieket.
Ara meta joħorġu b’xi bravura ta’ Repubblika, tara lil Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista jiġru jikkummentaw u jaqblu magħha mill-ewwel. Imma Union serja bħal UĦM, li taħdem ta’ kuljum fis-silenzju biex tavvanza l-ħaddiema, mhux tippoppa bħal Robert Aquilina u Manuel Delia, din ma ssibx l-appoġġ dovut mill-Partit Nazzjonalista.
Josef Vella għandu raġun. Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid ikun kredibbli għandu jwiegħed fil-programm elettorali li se jieħu lura l-Isptarijiet u l-power station meta jkun fil-gvern. Tiswa x’tiswa. Din għandha tkun wiegħda bla tlaqlieq u wiegħda li Robert Abela ma jistax jagħmel. Jiġifieri jekk issir din il-wiegħda llum qabel għada, il-Partit Nazzjonalista jirnexxielu għal darba jaqsam lill-Labour.
X’qed jistennew? Forsi qed jistennew xi go ahead minn ta’ Republika?!