Where your opinion counts

Il-każ ta’ Karol Aquilina jikkonferma kemm deputat ma għandux jirreżenja mill-Parlament anki jekk jiġi akkużat fil-qorti

Blog post minn osservatur politiku

Qrajna u fraħna ma’ Karol Aquilina li ħareġ liberat mill-akkuża serja li kellu. Hawn min qabel magħha u hawn min qed jikkritika. Imma dak li ħareġ huwa definit u allura nifirħulu għal din l-aħbar sabiħa. Imma mill-ħafna kummenti li qrajt fuq il-media soċjali, l-iktar li laqgħatni kien dak ta’ Simon Busuttil, li kiteb hekk:

Nifraħ lil Karol Aquilina għal din l-aħbar sabiħa. Imma nifraħlu aktar għall-mod eżemplari li bih gab ruħu matul dan l-episodju diffiċli. Leadership by example.

Bil-kitba tiegħu f’dan il-kumment, Dr Busuttil ġagħalni nitbissem għax jien niftakar tajjeb kif mexa hu, meta kien kap fil-leadership tiegħu. Tiftakru kif kien irreaġixxa ma’ Giovanna Debono u issa qed ifaħħar lil Karol Aquilina għal-‘leadership by example’. Hawnhekk ma rrid nagħmel ebda referenza għal Karol Aquilina li qatt ma kellu għalfejn jurina xi eżempji ta’ tmexxija, għax s’issa qatt ma kien f’dik il-pożizzjoni.

Imma rridu naħsbu ftit kif iħares lejn tmexxija eżemplari Simon Busuttil. Dan huwa l-istess persuna li meta, wara li r-raġel ta’ Giovanna kien mixli li kien għamel xi affarijiet dubbjużi, Dr Busuttil kien ried li Giovanna Debono mhux biss tirrinunzja l-whip tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri ma tibqax fil-grupp parlamentari, imma riedha titlaq ukoll is-siġġu tal-Parlament, xi ħaġa li Giovanna ma aċċettatx.

Imma Ġiovanna kienet spiċċat qisha bniedma eżiljata anke fil-parlament għaliex kienet tpoġġi fuq wara qisha ma kienetx baqgħet l-istess Giovanna li naf jiena. U dan grazzi għal Simon Busuttil li żgur ma kienx eżemplari fit-tmexxija tiegħu meta kien kap tal-Partit Nazzjonalista. Ħa naraw x’ġara fil-każ ta’ Karol Aquilina. Dan meta tfaċċat din il-kawża kien qabad u telaq minn kelliem tal-Oppożizzjoni fuq il-ġustizzja. Kien warrab mill-kumitat amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, li kien jipparteċipa fih bħala segretarju tal-grupp parlamentari. Imma ma kienx telaq mill-grupp parlamentari.

Issa sirna nafu li Dr Bernard Grech wara li kien hemm is-sentenza ltaqa’ ma’ Karol Aquilina u reġa’ tah id-dekasteri u x-xogħol li kellu qabel. Sew għamel. Biss hawnhekk xorta wieħed jistaqsi. Għalfejn kiteb ‘leadership by example’ Simon Busuttil? Jaqaw Karol Aquilina qed ikun il-bniedem li qed jimponi fuq il-Partit Nazzjonalista deċiżżjonijiet li jkunu ħadu Repubblika, li Simon Busuttil huwa parti importanti minnha? Jaqaw Karol Aquilina, dejjem skont dak li kiteb Simon Busuttil, qed jattendi l-laqgħa tal-amministrattiv biex jimponi dak li jiddeċiedu Repubblika? Xi kwalita’ ta’ leadership qed juża Karol Aquilina, dejjem skond Simon Busuttil?

Imma l-ikbar li jinkwietani huwa l-fatt li meta hu kien kap ried li jtajjar deputat minn tiegħu, u llum qed ifaħħar deputat ieħor li ma warrabx għall-mod eżemplari li mexa bih! Infakkar, għaliex dak li hu ta’ Simon Busuttil huwa tiegħu li meta kien hemm ir-rapport Egrant, Adrian Delia għamel żball u talbu jirreżenja. Delia kellu f’dak il-mument jaqbeż għal Simon Busuttil. Infatti, Adrian Delia irrealizza li kien għamel żball politiku li ħallas għalih qares.

Dan iwassalni għal dak li rrid ngħid f’dan il-blog. Kieku, kemm Giovanna u Karol, telqu minn deputati, kieku t-tnejn tilfu kollox u kienu jispiċċaw mill-parlament u ma jkunux jistgħu jerġgħu jidħlu, wara li t-tnejn ġew liberati. Dan juri kemm hu perikoluż li deputati jintalbu jirreżenja fuq akkużi li jsiru fil-qorti. Dan jikkonferma għala deputat ma għandux jitlef postu fil-parlament, anki jekk ikun hemm akkużi kontra tagħhom fil-qorti.

Dan juri l-kobor tas-sistema parlamentari tagħna, li ħafna drabi, illum, qed nisimgħu diskorsi kontra tagħha, min-nies li aktar qed jagħmlulha ħsara milli ġid.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *