Where your opinion counts

Il-gideb ta’ Ian Castaldi Paris

Blog post minn osservatur politiku

Meta tisma’ li membru tal-parlament Malti ammetta li gideb sfaċċatament, tibda’ tistaqsi lilek innifsek, imma dawn kif isejħu lilhom infushom onorevoli? X’hemm onorevoli fi bniedem li minn jheddu jew għax jaf li ma jistax jagħmel mod ieħor, ikollu jammetti li kien qed jibblaffja u allura kien qed jigdeb fuq xiri ta’ propjeta’ barra il-pajjiż.

Tgħid din id-darba qed jgħid il-verita’ meta qed jammetti li fil-konverżazzjonijiet li kellu ma’ terzi huwa esaġera waħda sew u bblaffja bil-goff? Biex inkunu għadna kollox hu aċċerta li ma għadx għandu dan id-delizzju li jibblaffja jew jigdeb. Temminx jew le, giddieb hija xi ħaġa suġġettiva.

Din l-aħbar tal-gideb tan-Nutar Castaldi Paris waslet għal ħafna li jitbissmu. Kien hemm min qal, ara kif jagħmlu dawn li jissejħu rġiel onorevoli, kemm jiżolqu fin-niexef. Bl-ammissjoni tiegħu Castaldi Paris kellu jammetti li huwa bniedem patetiku, dak it-tip ta’ bniedem li jgħid il-gideb biex mingħalih jimpressjona jew biex mingħalih isir xi ħadd li qatt ma kien u qatt ma jista’ jkun. Il-problema li tibqa’ ma’ Castaldi Paris hija li ‘once a liar, always a liar’, darba tinqabad jew tammetti li int giddieb tibqa’ giddieb għal għomrok, għax ħadd ma jieħdok bis-serjeta’.

Castaldi Paris għandu problema oħra x’iġorr, għax dan huwa politiku li qaleb l-affiljazzjoni politika tiegħu minn man-Nazzjonalisti għal mal-Laburisti. Allura wieħed jistaqsi din ukoll saret fuq affiljazzjoni mal-gideb li tasal biex taqleb min-naħa għall-oħra tal-ispettru politiku. Barra minn hekk Castaldi Paris kien qal li kien qed jiġi mhedded b’ħajtu. Issa dan it-theddid jista’ jittieħed bis-serjeta’ meta nafu li dan għandu l-vizzju tal-gideb? Din l-istorja tat-theddid hija xi invenzjoni oħra minn tiegħu jew xi tip ta’ bluff ieħor?

Kemm hu ikrah il-vizzju tal-gideb. Kemm jista’ jġibek f’inkwiet. Kemm jista’ joħorġok ta’ ċuċ il-vizzju tal-gideb. Kemm jista’ jirredikolak. Kemm jista’ jġagħlek tistħi, dejjem jekk tkun taf tistħi. Kemm jista’ jaffetwalek l-irġulija tiegħek. Kemm jagħmillek ħsara fuq livell kemm personali kif ukoll politiku. Kemm jista’ jirrovinalek anke xogħolok dan l-misħut gideb.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *