“Daphne Caruana Galizia kellha raġun”: żgur li mhux f’kollox!

Blog post minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel il-politika hu. Il-Partit Nazzjonalista ma għandu bżonn lil ħadd biex jiftaħlu argumenti fuq politika kurrenti. Il-Partit Nazzjonalista għandu biżżejjed imħuħ biex jipprepara u jmexxi l-aġenda tiegħu mingħajr ebda impożizzjoni ta’ ħadd. Il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf joffri ruħu qisu qed jistenna xi għajnuna minn xi għaqda jew movimenti ta’ nies li jagħmlu parti mis-soċjeta ċivili.

Imma donnu nutli ssir il-kritika u nutli jsiru diskorsi u kitbiet biex jippruvaw jiftħu l-għajnejn ta’ dawk li qed imexxu l-Partit Nazzjonalista bħalissa. Din id-darba jekk kien hemm bżonn prova ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista hu ostaġġ tal-għaqda Repubblika, din l-aħbar dwar ir-4 anniversarju mill-qtil makabbru ta’ Daphne Caruana Galizia, din hi forsi l-aħjar waħda.

Il-Partit donnu għadu ma jridx jitgħallem mid-diżastri elettorali li Daphne daħlet lill-Partit Nazzjonalista fihom. Jekk inħarsu biss lejn ir-rapport tat-telfa tal-2013 li sar wara dik it-tkaxkira enormi li qala’ l-partit, nsibu li waħda mir-raġuni tat-telfa kienet il-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia. Allura minn din biss il-Partit Nazzjonalista jibqa’ ma jitgħallem xejn. U jekk hemm bżonn ta’ prova oħra rridu niftakru fil-kampanja elettorali tal-2017 imponuta kollha kemm hi minn Daphne, għaliex il-Partit kienu totalment illuppjat bl-aġenda tagħha li kienet fasslet hija stess.

Allura nibqgħu nsostnu din l-aġenda jew l-aġenda li qed joffru s-sostenituri tagħha, Repubblika u l-oħrajn li jagħmlu parti mis-soċjeta’ ċivili. Repubblika ħabbru li se jfakkru l-qtil ta’ Daphne b’19-il jum ta’ inizjattivi. Sa hawn kollox sew għalkemm wieħed kien jistenna li tkun id-Daphne Foundation li tagħmel dan, u mhux għaqda li rikbet fuq il-qtil ta’ ġurnalista għall-gwadann tagħhom.

Imma li jgħaġbek hu kif il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jagħti appoġġ u sostenn bla qies lil dawn in-nies mingħajr ma jitlob lura ftit rispett. Ta’ Repubblika għażlu tema ‘Daphne Kellha Ragun’ u l-Partit Nazzjonalista mill-ewwel baxxa rasu u beda jagħmel propaganda b’xejn għal dawn l-attivitajiet.

Ħadd fil-Partit Nazzjonalista ma deherlu li Daphne qalgħet ħafna qlajjiet fuq nies fil-Partit Nazzjonalista, fosthom u mhux l-inqas fuq l-eks-Kap Adrian Delia. Allura possibbli kellha raġun f’kollox? Veru kienet strumentali biex inkixfu l-iskandli ta’ Joseph Muscat u sħabu, imma dwar ħafna affarijiet oħra żgur li ma kelliex raġun. La ma kellhiex raġun hi, allura dawk tas-soċjeta’ ċivili li għadhom mixjin fuq il-passi tagħha żgur li mhux f’kollox għandhom raġun. Allura l-Partit se jibqa’ mdendel ma’ dawn ir-realtajiet u jinsa kemm saret ħsara lill-Partit Nazzjonalista u allura jkomplu jxejru il-bandiera tagħha u tagħhom.

Leave a Reply