L-Ispeaker Anglu Farrugia kien korrett meta ma aċċettax li jaddotta r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anglu Farrugia kien korrett meta ma ridx jaċċetta li jaddotta r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards, George Hyzler, dwar Rosianne Cutajar. F’dan ir-rapport, Hyzler kien ikkonkluda li Cutajar kienet ħadet senserija, xi ħaġa li hija dejjem ċaħdet.

Dan kien wassal biex inkitbu żewġ editorjali kontra l-istess Speaker. Wieħed fil-Malta Independent u l-ieħor f’The Times. Biss issa l-istorja qed tagħti raġun lill-iSpeaker meta ma kienx aċċetta dan ir-rapport għaliex rah wieħed dubjuż.

L-iSpeaker kellu raġun li waqt il-laqgħa tal-kumitat, beda jagħmel domandi iebsin li juru l-background professjonali tiegħu bħala avukat li kien jaħdem fil-kriminal, barra li kien ukoll spettur tal-pulizija. Fost l-oħrajn, l-iSpeaker ried li qabel jaċċetta dan ir-rapport, ikun hemm investigazzjoni mill-Kummissarju tat-Taxxi interni. B’dak li ħiereġ issa, jkompli jagħti raġun lill-ispeaker.

Il-bieraħ Jacob Borg tella’ storja oħra dwar Ian Castaldi Paris. Fiha qal li Castaldi Paris għandu biss 18,000 euro fil-bank. Dan joħroġ mid-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu fil-Parlament. Biss dak li ma staqsix dan il-ġurnalista huwa fir-rigward tal-Range Rover Sport S8 li Castaldi Paris isuq u din tiswa’ madwar 110K. Huwa impossibli li persuna tkun is-suq range rover li jiswa 110k u tiddikkjara li fil-bank għandha biss 18K? Tgħidulix li dan isuq range rover ta’ ħaddieħor! Nispera li ma hemmx xi trust moħbija x’imkien. B’hekk dawk id-djar li kien semma’ li għandu fl-Ingilterra jistgħu jirriżultaw li huwa minnhom.

Infakkar li fl-artiklu ppubblikat il-bieraħ fuq dan is-suġġett f’The Times minn Jacob Borg, Castaldi Paris qallu li ma kienx jaffordja jixtriha dik id-dar fl-Imdina. Biss naħseb li persuna li taffordja tidher issuq Range Rover li jiswa’ 110K u taffordja jkollha ġlekkijiet “made to measure”, taffordja tixtri dar fl-Imdina u anki djar barra minn pajjiżna!

Infakkar li l-Kummissarju tal-Istandards, George Hyzler ma nvestigax sew lil Castaldi Paris u wisq aktar ma investiga lill-raġel tal-imħallfa, Pierre Lofaro. Lil Lofaro aċċetta l-ittra li bagħtlu u ma staqsih xejn.

Biss l-aktar ħaġa li ser jibqa’ magħruf għaliha George Hyzler hija l-espressjoni li qal li żballji fil-qrati isiru u fl-imgħoddi ġieli intbagħtu in-nies tat-tgħalliq bla ħtija. Dan qalu biex jiġġustifika dak li kiteb fuq Rosianne Cutajar. Jiġifieri ammetta li seta’ kien qed isallab lil din l-MP għal xejn. Issa jidher ċar li Hyzler aktar kien moħħu biex jiddefendi lir-raġel tal-Imħallfa Lofaro u lil Ian Castaldi Paris milli jfittex il-verita’ f’din l-istorja kollha.

Dak li ħiereġ fil-media jkompli jikkonferma aktar u aktar li kellu jagħmel xogħlu sew u li l-pożizzjoni tiegħu bħala Kummissarju tal-Istandards ma għadhiex aktar waħda tenibbli. Hu għandu jirreżenja minn rajh. Jekk le, il-Parlament b’vot unaminu għandu jneħħih.

Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi u l-Group Repubblika għandhom b’ħalqhom magħluq. Dan hu ta’ tħassib kbir. Dawn iridu kollox jimxi fuq ir-rubini. Imbagħad ma qalu xejn dwar l-istorja ppubblikata mill-Malta Today fuq Ian Castaldi Paris.

One comment

Leave a Reply