Aktar milli każ ta’ prekarjat dan hu każ ta’ nuqqas ta’ umanita’

Il-bieraħ kellna l-każ pjetuż ieħor ta’ ħaddiem li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol. Dak li għamel dan il-każ aktar sensazzjonali huwa li min kien qed iħaddmu, wara li weġġa’, ġabru minn fejn kien, tefgħu f’karozza u wara tħallieh fil-ġenb ta’ triq.

Ħafna ddeskrivew dan il-każ bħala każ ta’ prekarjat. Il-każ ma nafux, imma mhux bil-fors li dan hu każ ta’ prekarjat. Il-ħaddiema barranin li qed jaħdmu f’dan il-qasam tal-kostruzzjoni, ħafna drabi, qed jitħallsu sew, kemm jekk huma Suwed jew Europej. Il-ħlas qed iwassal li jkun anki ta’ bejn 80 euro u 150 euro kuljum. Ġieli aktar. Ma nafx kemm kien imħallas dan ir-raġel. Dan żgur joħroġ fl-investigazzjonijiet.

Għalija dan hu każ ta’ nuqqas ta’ umanita’. Mhux aċċettabbli li persuna tweġġa’ fuq il-post tal-kostruzzjoni, taqa’ żewġ sulari, u minflok tiġi msejħa l-ambulanza u l-pulizija, tinġarr bil-karozza u wara titwaddab fuq il-banikina. Jekk kien hemm ksur, din l-azzjoni aktar aggravat is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-persuna. Dan il-każ kompla jikkonferma l-ġungla li teżisti fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Biss f’dan il-każ nixtieq nieqaf fuq punt ieħor li għadu ftit ġie ttrattat. Il-biża’ ta’ dan l-immigrant li jmur il-ħabs. Jidher ċar li dan kien Malta u qiegħed jaħdem hawn bla permess. Fi kliem ieħor huwa ħaddiem irregolari jew illegali. X’inhi l-pożizzjoni legali tiegħu mhux importanti. Żgur li ma kienx jixtraqlu li jkun ittrattat hekk.

Dan hu l-punt li l-Gvern irid jaħdem fuqu. Wassal iż-żmien li l-awtoritajiet jirregolarizzaw din is-sistema. Dak li qed jiġri s’issa huwa li l-biża’ li qed tkun ikkreata kemm fost l-immigranti u anki fost minn iħaddimhom, qed twassal għall-abbużi.

L-immigranti qed jibżgħu li jitkeċċew jekk jinsabu li huma rregolari. Din qed tħalli effetti ħżiena kemm fuq l-immigranti u anki fuq is-setturi tax-xogħol. Dan hu punt li jitlob regolarizzjoni.

Imbagħad hemm il-kuntratturi. Jidher li dan il-kuntrattur li qed jissemma f’din l-istorja, Glen Farrugia, kien jieħu kuntratti tal-gvern. Meta wieħed jidħol fuq il-Facebook Page tiegħu, wieħed isib li anki xogħol jew aħjar kuntratti tal-Gvern kien ġieli ħa.

Dan ikompli jitfa’ aktar responsabbilita’ fuq il-Gvern għaliex kuntrattur li jidher li kien qed jikser il-liġi, ġieli ħa kuntratti mill-istess gvern. Dan ifisser li qed nagħmlu ħafna liġijiet, imma mbagħad, fejn verament hemm bżonn il-ħaddiema, biex dan il-liġijiet jitħaddmu, ma huwa jsir xejn.

Hu x’inhu, jrid ikun hemm aktar serjeta’ f’dan il-qasam, kemm min-naħa tal-gvern u anki minn dawk li jaħdmu. Irid ikun hemm aktar ‘accountability’ u ‘responsability’. Din trid tiġi minn kulħadd. Il-gvern jeħtieġ jirrevedi l-policies li għandu lejn dawn l-immigranti li spiċċaw hawn bla permess u jirregolarizza s-sitwazzjoni tagħhom. Fl-istess waqt irid aktar ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-ispezzjonar u l-kuntratturi jrid jibdew iġibu ruħhom b’aktar umanita’ u risponsabbilita’. Biss dan ma jista’ jsir billi ntaqlu aktar id-dinja tax-xogħol b’liġijiet li nafu minn qabel li mhux ser jaħdmu jekk mhux ukoll nagħmlu s-sitwazzjoni agħar milli hi.

Leave a Reply