Adrian Delia jwieġeb lill-ġurnalista tal-One dwar l-istorja tal-flokkijiet mingħajr ma jaqa’ fin-nassa tal-polemika

Blog post minn osservatur politiku

Il-flokkijiet milbusin minn sostenituri ta’ Team Delia fuq l-Fosos lejliet il-festa tal-Indipendenza għad għandhom effett fuq ir-realta politika sal-lum. Waqt li Dr Stephen Spiteri u Dr Adrian Delia kienu qed jagħtu konferenza stampa dwar l-isptarijiet li jngħataw lill-investitur barrani wasal il-ħin tal-mistoqsijiet.

Tiskanta kif wara li smajna u rajna kemm qed jidħqu u kemm qed jisirqu lill-poplu Malti u Għawdxi dawn l-investituri barranin, il-ġurnalist tal-One jagħmel il-mistoqsija li mhix relatata mas-suġġett tal-konferenza. Flok ra kif għamel mistoqsija biex jipprova ibenġel ftit l-oxxenitajiet li qed isiru b’dawn l-isptarijiet, qal li dik kienet l-ewwel okkażżjoni li setgħu jistaqsu lil Dr Delia u oħroġ il-għaġeb staqsieh dwar il-famużi flokkijiet.

Samuel Lucas staqsa hekk u qed nipproduċi kelma b’kelma l-mistoqsija tiegħu:

“Din hija l-ewwel opportunita li nistgħu nistaqsuk propju dwar dan. Fil-jiem li għaddew il-Kap Bernard Grech qal li dak li sar fuq il-Fosos kien inaċċettabbli, x’inhi l-ewwel net ir-reazzjoni tiegħek għal dan. Li n-nies għalik libbsu l-flokkijiet bil-kliem ‘team Delia’ xi ħaġa ħażina? Kellek xi komunikazzjoni mal-Kap dwar dan qabel jew wara li qal li l-mossa fuq il-Fosos kienet inaċċettabbli?”

Araw issa kif irrisponda Adrian Delia u għal darba oħra qed nipproduċi kelma b’kelma t-tweġiba li ngħatat:

Nieħu pjaċir illi waqt konferenza stampa, li qed nitkellmu fuq serq ta’ mijiet ta’ miljuni minn ħalq il-poplu, l-iktar ħaġa ta’ relevanza illi jidher li tinteressa lil ONE hija numru ta’ flokkijiet. Min jaf kemm mediċini ħa nixtru kieku ma għamilniex il-flokkijiet. Min jaf kemm inkunu nistgħu nimpruvjaw is-settur tas-saħħa. Min jaf kemm nistgħu nagħmlu iktar ġid lill-poplu Malti u Għawdxi jekk nagħmlu din il-politika pokista, ta’ dawn il-battibekki. Jekk xi ħadd jaħseb illi jien ħa jkolli xi ngħid ma’ xi ħadd, aħseb u ara mal-kap tiegħi, fuq erba’ flokkijiet, allura ma jafx x’inhi l-politika. Jiena nitkellem mal-kap Bernard Grech kemm-il darba jkun hemm bżonn, kull meta jgħajjatli niġi, kif kien jiġri meta kont jien kap kull meta jiena ngħajjat lill-kandidati tiegħi kienu jiġu u jekk jafdali xi ħaġa f’idejja nagħmilha, jekk għandi kawża ta’ importanza nazzjonali illi issa l-Partit Nazzjonalista qed itini l-appoġġ sħiħ dwarha, jiena dik naraha bħala sinjal b’saħħtu ta’ Oppożizzjoni illi qed tissaħħaħ imma ta’ Gvern li naħseb illi jippreferi illi jinfexx f’dak li huma l-gimmicks u l-pokezzi.

Fl-opinjoni tiegħi Dr Delia qata’ l-għatx bil-perżut lill-ġurnalist tal-One u poġġa għatu fuq din il-kwistjoni darba għal dejjem. Fejn jidħol l-esk-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, ħadd ma hu ser jaqbdu f’nofs ta’ kelma ta’ diviżjoni li jista’ b’xi mod jagħmel xi ftit ħsara lill-Partit tiegħu. Allavolja ġie trattat tant ħażin minn esponenti għoljin fil-Partit, huwa dejjem sostna li l-Partit Nazzjonalista lilu ma għamillux ħsara. U t-tweġiba tiegħu għal dawk l-azzjonijiet li sarulu hija li jibqa’ jippriedka l-għaqda u l-imħabba li huwa għandu lejn il-Partit Nazzjonalista.

Il-politika ta’ Dr Delia hija miżmuma fuq livelli għolja ħafna u ma hux se jħalli pettegolezzi, bħal din tal-flokkijiet, iddaħħal xi feles bejnu u bejn l-amministrazzjoni kurrenti tal-Partit Nazzjonalista. Din iżżid l-ammirazzjoni li wieħed jista’ jkollu lejn politiku matur li jħares biss lejn il-ġid li jista’ jagħmel u mhux jinżel f’livell ta’ stupidaġni, li kull ma jagħmel hu li jġib istanti ta’ diviżżjoni.

Lanqas meta kien taħt attakki viljakki ma waqa’ f’dak il-livell. Il-fatt jibqa’ li l-politika ta’ divizzjoni qatt ma ħaddanha.

Leave a Reply