Adrian Delia juri l-istat disastruż li jinsabu fihom l-isptarijiet li ngħataw lill-Vitals

Il-bieraħ it-Tnejn 27 ta’ Settembru kellna seduta oħra tal-kawża li fetaħ Dr Adrian Delia biex jattakka l-kuntratt tal-Vitals u biex jipprova jagħti lura l-isptarijiet lill-poplu Malti u Għawdxi. Din kawża li lil-pajjiżna tista’ tiffrankalna pagamenti li jitilgħu għal miljuni kbar. Fis-seduta tal-bieraħ, ix-xhieda kienu mitluba jispjegaw kif nefqu l-ammont ta’ miljuni li qalu li nefqu. Kellhom jispjegaw fejn marru il-miljuni li suppost investew fit-tliet sptarijiet Maltin.

Mid-dehra l-bieraħ ma saret ebda spjegazzjoni verbali imma tressqu ritratti biex suppost jintwera dak l-investiment kollu li sar fiż-żewġ sptarijiet ġo Malta u wieħed Għawdex. Ir-ritratti tellagħhom Dr Adrian Delia fuq il-Facebook page tiegħu waqt li bagħat dan il-messaġġ lill-Prim Ministru:

Għażiz Robert Abela, Illum kien hemm il-kawża tal-Vitals, fejn qed nattakka kuntratt ta’ eluf ta’ miljuni li qed jisraq lill-poplu Malti u Għawdxi. Illum ittellgħu l-provi (ritratti biss) biex taparsi juru fejn intefqu l-flus. Illum ġabu l-provi huma stess li huma ħallelin. Dawn huma l-provi li jitkellmu waħedhom. Prim Ministru m’għandekx bżonn iktar inkjesti, m’għandekx bżonn rapporti ta’ esperti urġenti. Waqqaf il-kuntratt issa, u ara kif se ġġib lura il-flus li ħarġu min bwiet in-nies.

Dawn ir-ritratti jitkellmu waħedhom u jidher ċar, almenu minn dak li rajna, li ma sar ebda investiment fuq l-isptarijiet tagħna. Fil-fatt Dr Delia fil-post tiegħu qal li “Illum ġabu l-provi huma stess li huma ħallelin”. Dr Delia kompla jgħid li dawn il-provi, jiġifieri r-ritratti, jitkellmu waħedhom u r-ritratti stess juru li ebda nvestiment li setgħu juru jew jiftaħħru bih ma sar. Mela nistgħu ngħidu li dawn l-investituri ħadu flus il-poplu Malti imma ma taw xejn lura f’investimenti. Jekk irridu nkunu sinċieri magħna nfusna rridu nammettu li minn dan il-kuntratt, la l-Maltin u lanqas l-Għawdxin ma akkwistaw xejn.

Allura, wara li issa jeżistu ritratti biex suppost juru l-investiment li ma hu investiment xejn, x’qed jistennew l-awtoritajiet Maltin biex iwaqqfu l-kuntratt? Ir-ritratti huma xhieda trasparenti ħafna għax ir-ritratti fatti jagħtuk. Ir-ritratti ġew esebiti mill-kumpanija barranija stess u ppreżentaw dawn ir-ritratti għax ma setgħux jipprovdu aħjar, għax huwa ovvju li ma jeżisti ebda investiment li jista’ juri mod ieħor. Il-mistoqsija tiġi waħedha, x’qed tistenna Sur Prim Ministru biex twaqqaf kollox, speċjalment dawk il-miljuni li qed jingħaddu lill-kuntrattur barrani?

Żgur li ma hemm bżonn ta’ ebda inkjesta u ma hemm bżonn ta’ ebda rapport minn esperti biex jgħidulek il-verita’. Illum kull verita’ li xi ħadd kien qed jistenna ħarġet waqt il-kawża. Il-barrani ħa l-aħjar ritratti possibbli li seta’ jieħu li juru li verament ma sar xejn. Sar biss ħames snin ta’ pagamenti ta’ miljuni li mid-dehra qabżu il-250 miljun u l-poplu Malti u Għawdxi ma ħa xejn.

Dr Delia qed jagħmilha ċara li ma hux se jkun kuntent biss li jerbaħ l-isptarijiet lura imma se jkompli jiġġieled sa meta l-investitur barrani jrodd lura dawk il-miljuni kollha li ħa, li nistgħu nikkonkludu wkoll, li seraq.

Leave a Reply