It-tweġiba għall-viżjoni politika ta’ Claudio Grech: ‘charity begins at home’

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ, Claudio Grech kiteb artiklu fl-Illum taħt it-titlu ‘L-akbar taqbida politika’. Huwa fetaħ l-artiklu tiegħu b’dan il-kliem:

Ma’ tagħtix tort li ħafna nies jaħsbu li l-qofol tal-ħidma politika hija l-intriċċi, l-allejanzi, il-kompromessi u l-battibekki bejn il-protagonisti. Dan huwa l-frott ta’ kultura politika li hija mibnija fuq żewġ elementi ewlenin li jimmanifestaw ruħhom b’saħħa kbira f ’pajjiżna: il-kult li joħolqu ċertu politiċi madwarhom, fejn il-persuna tal-politiku u mhux ħidmietu jsiru ċ-ċentru ta’ kollox. Fit-tieni lok, il-politika kompliet issir ħafna aktar tranżazzjonali, fejn il-vot qiegħed jitqies dejjem aktar bħala munita li tista’ tiġi tranżatta, fejn – irrispettivament mis-sustanza politika – persuna tivvota skond min ser jagħtiha dak li trid.

Tajjeb li wieħed jirrifletti fuq dawn il-ħsibijiet tas-Sur Grech. Jista’ jħares internament fil-partit tiegħu u jinduna kemm fadal xi jsir fil-Partit Nazzjonalista, ibda mill-grupp parlamentari. Il-problema li teżisti fil-grupp parlamentari Nazzjonalista li saru wisq kompromessi. Kien hemm wisq intriċċi u anki battibekki.

Mill-mod li Claudio Grech qed jikteb iqiesu jrid joħroġ il-barra minn dawn l-intriċċi u battibekki. Illum jidher li qed jagħraf f’liema livell baxx ta’ politika iwassal il-ġlied fi ħdan il-grupp parlamentari li hu kien parti minnu. Mhux ser nistenna li jikteb dwar dan, biss nifhem ukoll li llum qed iħares b’mod differenti lejn is-sbatax l-eroj blu.

Daż-żgur li dak li semmejt huwa “r-realta’ fattwali iżda ftit li xejn mistqarra”. Grech jgħid li l-elettorat ma għandux tort tal-għażla li jagħmel. Nemmen li ma kellux tort sal-lum, li għażel lil min għażel, fil-Partit Nazzjonalista. Imma jekk fl-elezzjoni li ġejja jerġa’ jirrepeti l-istess żbalji li għamel fl-2017 u jagħżel salt dinosawri li taw lill-partit tagħhom tant telfiet kbar, ikun kollu t-tort tal-elettorat li għal darba oħra jkun reġa’ għażel ħażin. Hekk reġa’ ġralu l-Partit Nazzjonalista fl-2020. Spiċċa jappoġġja d-diktat jew in-narrattiva tar-ribelli fil-partit li ddetta li t-tibdil tal-kap kienet is-salvazzjoni. Sistema politika fil-partit stess li ħolqot eluf ta’ orfni għaliex aktar u aktar nies qed iħossu li l-Partit Nazzjonalista kellu iħallilhom l-ispazju biex jaħsbu, jgħarblu u jiddeċiedu fuq il-bażi tas-sustanza politika u mhux fuq il-kult li ħolqot il-klikka li qerdet partit basta ma jħallux, lil min kien qed imexxi, jaħdem.

Kemm naqbel ma’ Claudio meta qal li “l-akbar taqbida hija dik kontra l-kultura tal-politika bla ruħ, bla valuri, bla sustanza u bla viżjoni jew il-pjaċir li jista’ jakkwista”. Claudio int iffukajt fuq il-clusters biex tagħti ruħ lill-Partit Nazzjonalista. Imma inti sibt lil min inkoraġġik u jaħdem miegħek u b’hekk stajt tagħmlu. Qattajtu sajf sħiħ, is-sajf famuż tal-Covid, taħdmu kull fil-għodu fl-uffiċju tal-kap tal-Partit. Illum taf li s-sitwazzjoni hija differenti tant li bil-kemm qed tidher fil-media tal-Partit Nazzjonalista.

Sur Grech int qed tgħid li l-Partit tiegħek qed jaħdem fuq it-tiġdid tal-politika u qed tgħid li mijiet ta’ nies qed jaħdmu mal-Partit tiegħek “mingħajr ma’ jkollhom għalfejn ibiegħu ruħhom jew joqgħodu jinċensaw lil xi kult politiku.” Tgħidhilniex li m’intix tagħti każ tal-kult li nbena madwar il-kap illum. Tgħidhilniex li m’intiex inkwetat li l-Partit Nazzjonalista inbiegħ lil grupp ta’ nies li sa ftit tas-snin ilu ivvutaw kontra l-Partit Nazzjonalista u llum għandhom id-deċiżżjonijiet f’idejhom.

Skond int “Elezzjoni tiġi u tmur, pajjiżna jibqa’ hawn u għandna obbligu li nibqgħu mmexxuh ‘il quddiem. L-akbar taqbida hija dik kontra l-kultura tal-politika bla ruħ, bla valuri, bla sustanza u bla viżjoni.” Is-Sur Grech jgħid li pajjiżna spiċċa f’din is-sitwazzjoni għaliex il-Gvern abbanduna kull forma ta’ viżjoni u difen il-valuri. Nistaqsik Sur Grech, x’għamel il-Partit Nazzjonalista, fis-snin bejn 2017 u l-2020? Abbandunaw l-viżjoni d-deputati tal-Partit Nazzjonalista? X’viżjoni kellhom meta nħakkmu minn għira bażwija kontra l-kap tagħhom? Għinuh lil Kap tagħhom f’dawk it-tliet snin biex jibni l-viżjoni tal-Partit jew kienu konċentrati biss fuq l-unika viżjoni li kellhom, li jimxu fuq il-passi ta’ Simon Busuttil u jaħdmu kemm jifilħu biex dejjem isibu l-intoppi fil-kap tagħhom sa x’ħin jasal il-mument propizju biex itajruh, kif ġara? Huwa diffiċli għall-Partit Nazzjonalista li jkollu viżjoni għall-pajjiż għax ilu jsib diffikulta kbira, veru jew ivvintata, biex isib viżjoni għall-partit stess.

Claudio Grech għalaq l-artiklu tiegħu meta qal li jemmen li l-Partit Nazzjonalista ser ikun l-ixprun biex jagħti direzzjoni lill-pajjiż. Biex jagħti direzzjoni lill-pajjiż irid ikun hemm direzzjoni fil-partit. Int, ħafna aktar minnha taf, li l-għaqda ma saltnitx għax inbidel il-Kap. Id-diviżżjoni li hemm fil-Partit Nazzjonalista hija kbira u kerha ħafna. Meta nafu li l-maġġoranza tad-deputati lanqas biss ikellmu lill-kap tagħhom, tfisser ħaġa waħda biss, il-valuri li dejjem ħaddan il-Partit Nazzjonalista ma humiex il-vejikolu esklussiv għall-għaqda, imma saru pjattaforma ta’ nuqqas ta’ ġid komuni fil-Partit Nazzjonalista li ma jista’ qatt jirrifletti il-konverġenza tal-ġid komuni tal-pajjiż. Kif jgħidu bl-Ingliż, charity begins at home.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *