Il-PN bi prosposti tajbin imma jrid jkun aktar ċar mnejn ser iġib il-flus għalihom

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ, Is-Sunday Times fl-aħħar paġna tagħha ppubblikat artiklu ta’ Bernard Grech jew ta’ xi ħadd li jiktiblu fejn semmitielna elenku ta’ proposti li qed joħroġ il-Partit Nazzjonalista. Tajjeb li tiftaħar f’dak li tkun qed toffri lill-Maltin u l-Għawdxin. Imma jkun ħafna aħjar li kieku dawn il-proposti jkunu spjegati b’ħafna iktar dettal. Tajjeb ukoll li qed joħorġu l-proposti minn issa u ma hemmx għalfejn jistennew il-kampanja elettorali propja.

L-artiklu jsemmi id-diversi proposti li ħareġ s’issa l-Partit Nazzjonalista fosthom li jħaddar postijiet pubbliċi f’kull lokalita’, li jerġa’ jieħu lura ż-Żonqor u li jixtri lura Ħondoq ir-Rummien. Qed iwiegħed aktar zoni pedonali fil-lokalitajiet, apparti li jagħmel elenku tas-siġar kollha biex nieħdu aktar ħsiebhom. Proġetti li jkollhom bżonn il-permess ta’ żewġ terzi tal-Parlament biex jitwettqu u jgħinu lill-bdiewa biex jixtru l-art li jridu jaħdmu.

Il-proposti jinkludu wkoll għoli fil-pensjonijiet u żidiet fil-pagi tal-edukaturi. Lesti li jipprovdu l-iskejjel kollha bl-arja kondizzjonata u jħarsu lejn il-problema tal-obeżita’ b’aktar determinazzjoni. Hemm proposti biex jgħinu lil dawk maħkumin bil-marda tal-kanċer u jħallsu wkoll l-mediċina neċessarja tal-IVF. Qed iwiegħdu wkoll li jkabbru l-port tal-Mġarr u jibnu żewġ vapuri ġodda għall-passiġġieri u għall-merkanzija. Lesti ukoll li jibnu sptar ġdid għall-mard mentali viċin Mater Dei. Qed iwiegħdu wkoll li jagħtu l-flus lura lil min ħallas żejjed fil-kontijiet tal-ilma u d-dawl. Se jgħollu l-ammont ta’ min jiġbor il-VAT u se jassiguraw li jpoġġu somma flus għall-kumpaniji tal-manifattura biex jgħinhom fit-trasport tal-merċa. It-tibdil tal-klima ser jieħu prijorita’ fuq problemi oħra.

Hawn xi ħadd li ma jaqbilx ma dawn il-proposti? Hawn xi ħadd li jgħid li hemm dik jew l-oħra li ma jagħmilhiex? Kollha tajbin. Kollha f’waqthom u kollha ta’ għajnuna. Imma r-ras iebsa tat-tmexxija għadha tidher li ma rtabitx. Għaliex dawn il-proposti kollha li qed jitpoġġew fuq il-mejda, issa jrid ikun hemm il-costing tagħhom. Biex isiru aktar kredibbli hemm bżonn li l-Partit Nazzjonalista jmur fil-fażi li jmiss u jibda jippreżenta studji dwar kemm ser jiġu jiswew. Infakkar, li kull darba li xi ħadd jistaqsi minn fejn se jinġiebu l-flus ir-risposta qed tkun li nnaqsu s-serq sfaċċat li għaddej u allura jkun hemm minn fejn. Din mhix biżżejjed.

Jekk mhux ser ikun hemm ekonomisti li jitkellmu, dak li qed jiġi pproponut ser jibqa’ jidher bħala kastelli fl-arja. Id-diskors qed ikun u jibqa’ legalistiku. Dawn jafu li biex tiffranka l-flus mill-isptarijiet hemm ġlieda legali kbira. Jafu li biex inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija, jrid jispiċċa il-kuntratt li hemm fl-Electrogas. Hemm minnhom avukati u jafu li dawn ma humiex affarijiet sempliċi imma li se jitolbu kawżi u aktar kawżi legali. Kif jistgħu jibqgħu jtanbru li se jġibu l-flus minn hemm. Għalhekk qed ninsisti dwar il-bżonn ta’ narrattiva ġdida li trid tiġi minn barra l-kamp legali u ġurnalistiku.

Ta’ min ifakkar x’ġara fl-2017 meta Simon Busuttil kien jipproponi proposti fil-għodu u fil-għaxija ma kienx jagħti importanza fuq kemm se jiġu jiswew dawn l-istess proposti. S’issa din it-tmexxija għadha qed timxi fuq l-istess mudell li ma ħadimx fl-elezzjoni li għaddiet. B’hekk ħadd ma jista’ jimmaġina li l-elettorat se jagħti każ ta’ dawn il-proposti kollha.

Sfortunatament din l-amministrazzjoni se taqa’ fl-istess narrattiva li kienet waqggħet fl-2017. Meta twettaq żbalji li tkun taf li saru qabel, hija nuqqas ta’ dixxiplina miegħek in-nifsek u nuqqas kbir ta’ preparazzjoni. Inutli tfajjar proposta jekk ma takkumpanjajiex bl-informazzjoni neċessarja għaliex ma jkollhomx effett mixtieq fuq l-elettorat.

Leave a Reply