L-editur tal-Malta Independent għadu joħlom b’Adrian Delia

Blog minn osservatur politiku

L-editur tal-Indipendent on Sunday għoġbu jikteb fuq l-eks-kapijiet tal-partiti politiċi li jagħmlu atti ta’ sfida u ta’ ras iebsa. Itini l-impressjoni dan l-editur li ilu li kiteb dan l-editorjal tiegħu. Qed ngħid dan għaliex meta kiteb fuq Adrian Delia, hu la għamel kuntatt ma’ Delia ħalli jispjegalu x’ġara eżatt fuq il-Fosos u lanqas qara dak li kitbet it-Times of Malta ġurnata qabel.

Kieku indenja ruħu jagħmel waħda mit-tnejn kien ikollu narrattiva oħra x’jikteb mhux kif għamel hu. Biss tal-mistħija li jkollok editur li jibqa’ jsostni fuq flokkijiet suwed meta qrajna fuq kull media Maltija li l-kulur tal-flokkijiet kien navy blue. Ikolli ngħid li meta jipprinċipja aġenda f’moħħu, ma jbiddiliex jgħidu x’jgħidu l-protagonisti.

Imma l-aktar li laqatni fl-editorjal meta rrefera lejn dawk l-eks-kapijiet li jibqgħu fix-xena allavolja jirriżenjaw minn posthom. Semma lil Mintoff, lil Alfred Sant, lil Simon Busuttil lil Joseph Muscat u lil Adrian Delia. Huwa rraġuna li meta eks-kap jibqa’ fix-xena, kemm fil-partit kif ukoll fil-Parlament, dejjem jinħass qisu qed jisfida lill-kap tiegħu dak in-nhar. Li tgħid li l-qodma jistgħu jaħdmu ma’ kapijiet ġodda hija ħrafa li tiddeludik.

Fakkar ukoll li anke il-media tipprova titfa’ l-bsaten fir-roti u tipprova ġġelled l-ġdid mal-antik. Hekk ġara meta baqa’ Simon Busuttil. Kulħadd semma u għadu sal-lum isemmi li għad fadal il-klikka ta’ Simon Busuttil fil-parlament u fil-partit.

L-editur ma jistax jaħbi fatt li ġara u għadu qed jiġri. Il-verita ta’ Simon Busuttil ħadd ma jista’ jaħbieha. Simon għamel u għadu jagħmel ħsara enormi lill-Partit Nazzjonalista. Il-ħsara bdiet minn qabel laħaq kap Adrian Delia għax tkellem żejjed kważi dak in-nhar tal-elezzjoni.

Mintoff kien deher iżomm ir-rigni f’idejh meta laħaq Karmenu Mifsud Bonnici u kisser lil Alfred Sant fl-1998. L-editur jgħid kelma wkoll fuq Joseph Muscat li baqa’ għal ftit xhur deputat taħt it-tmexxija ta’ Abela. Biss wieħed irid jgħid li Muscat ma għamel xejn sfaċċatament biex ifixkel lil Abela. Ma tantx smajnieh jitkellem jew jidher bħal ma kien jagħmel Mintoff fi żmienu.

L-editur ifaħħar lil Lawrence Gonzi li għamel bħal Eddie u meta rriżenja warrab għal kollox. Naqblu u għamel pass għaqli lejn it-tmexxija ta’ Busuttil. Imma għal kollox Gonzi ma warrabx għax hu reġa’ tfaċċa fix-xena fil-partit meta kien hemm l-elezzjoni għal kap fl-2020. Huwa ma qagħadx kwiet u gallarija. Meta kien hemm dak l-inkwiet kollu, flok ra kif għamel biex iressaq iż-żewġ fazzjonijiet lejn xulxin, mar id-Dar Ċentrali u talab lill-kap dak in-nhar biex iwarrab u jirriżenja. Meta ma rnexxielux baqa’ biex attenda l-esekuttiv, wara tant snin, biex jagħmel żgur li jivvota u jwarrab lill-kap tiegħu fl-2020. Dak ma tantx poġġa lil Gonzi f’lenti tajba man-Nazzjonalisti għaliex deher ċar li hu xaqleb il-miżien lejn ir-ribelli u mhux lejn l-amministrazzjoni.

Għall-kuntrarju, l-attakki fuq Adrian Delia baqgħu għaddejjin, bil-perċimes tal-qlajjiet u tal-gideb Jason Azzopardi, jkollu jagħmel dikjarazzjoni ffirmata u jibla’ dak kollu li kien qal fuq il-kap tiegħu.

Delia la qed ifixkel u lanqas jindaħal fit-tmexxija tal-Kap tal-lum. Anzi meta jersaq ‘l quddiem u jitkellem fil-parlament dejjem tkellem f’isem il-Partit Nazzjonalista u ġibed il-ħabel tat-tmexxija. Imma, għal kuntrarju, hemm min għadu ma jistax jissaporti l-preżenza tiegħu fil-parlament jew fil-laqgħat tal-esekuttiv jew tal-grupp parlamentari li għadu jaħmi sal-lum biex ma jagħmlu xejn biex jgħinu lil Adrian Delia.

L-aħħar farsa li għaddejja hija li l-Partit Nazzjonalista ma jridx jagħti lil Adrian Delia l-kandidatura fuq is-7 distrett, dan kollu għax il-kap kurrenti jridu joħroġ fuq distrett fis-South biex żgur iġelldu ma’ xi wieħed mid-deputati li tant għinu waqt it-tliet snin ta’btmexxija tiegħu u fuq kollox biex jaċċerta ruħu li ma jġibx voti aktar minnu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *