Il-veru triq fil-politika hija dik tal-integrita’

Blog post minn osservatur politiku

Ħafna jidħlu fil-politka b’għanijiet tajbin u bi ħsibijiet ġenwini. Imma ftit huma dawk li jsiru politiċi ta’ statura għaliex huma ftit li jilħqu dak il-grad. U forsi dan il-grad ma jintlaħaqx minħabba l-etika u l-morali li wieħed juża matul il-karriera politika tiegħu. Hemm min jaħseb li jista’ jsir politiku ta’ statura billi ma jagħtix każ biżżejjed ta’ dawn iż-żewġ valuri prinċipali. Hemm dawk li b’xi mod jew ieħor jippruvaw jisirqu s-suċċess minflok jaħdmu għalih.

Imma ir-riżultat veru biex tikber fis-suċċess tiegħek jinsab fil-proċess tal-ħidma politika. Il-veru suċċess jagħtihulek il-vjaġġ li trid tagħmel matul il-proċess ta’ din l-istess ħidma. Qatt ma tista’ takkwista s-suċċess meħtieġ mingħajr ma tħaddem l-etika u l-morali. Qatt ma jirnexxilek tikseb ir-rispett mingħajr integrita’. Qatt ma hu se jkollok is-support ta’ sħabek jew tat-team tiegħek mingħajr l-etika, li hija tant mitluba biex tilħaq il-livell politiku meħtieġ. Dan id-diskors jinstema oppost għad-diskors li Machiavelli jagħmel il-ktieb famuż tiegħu Il Principe.

Jien nemmen li min jieħu atteġġjament differenti minn dan li qed insemmu qatt ma jifhem li meta tagħmel is-sewwa dejjem twassal għal riżultati aħjar. Meta tagħmel dak li hu tajjeb iwasslek għal aktar relazzjonijiet tajbin. U dawn ir-relazzjonijiet tajbin jiftħulek il-bieb għal opportunitajiet dejjem akbar u itjeb. Ovvjament meta żżomm mas-sewwa tasal biex takkwista riżultati aħjar ukoll, u anke prodotti u servizzi aħjar.

Is-sewwa twasslek ukoll biex ikollok riferenzi itjeb u ikbar. Imma huma ħafna minn dawk li jippruvaw il-ħajja politika li ma għandhomx id-don tal-paċenzja. Kif jingħad minn ħafna, hemm min jħares mill-ewwel lejn il-biljett rebbieħ tal-lotterija, mhux lejn il-biljett rebbieħ tal-integrita’ li biha tgħix ħajja kompluta u sinċiera. Ħafna minnhom ikunu jridu l-għażla ħafifa malajr u mhux il-legat ta’ ħajja li tgħixha kontinwament tagħmel dak li hu tajjeb.

Fil-politika hemm min lest jirfes fuq kulħadd, l-importanti li jasal fuq nett. Imma meta tirfes il-kallijiet biex titla’ xi livell għola, ma tistax toħodha bi kbira jekk dawk l-istess kallijiet jagħtuk daqqa fuq il-warrani. Meta politiku jipprova jniżżel lil ħaddieħor l-isfel, karma turik, li fi żmien mhux il-bogħod, se tniżżel lilek ukoll l-isfel. U dik hija l-integrita.

Hemm ħafna politiċi li jridu biss il-glorja imma ma għandhomx il-guts li jaħdmu għaliha. Iridu r-riżultat mingħajr persistenza. Iridu l-gwadan mingħajr il-morali. Jaħdmu għat-triq il-faċli mingħajr l-użu tal-etika. Kemm għandhom x’jitgħallmu ħafna li jsejħu lilhom infushom politiċi. Ħafna minnhom, intenzjonalment jew le, jiġru wara l-flus jew is-suċċess, mingħajr ebda konsiderazzjoni li jagħmlu dak li hu tajjeb.

U hawn qiegħda l-lezzjoni prinċipali, jekk politiku ma jridx jispiċċa bħal maġġoranza, ma jistax ikun bħal maġġoranza. Għax ikun hemm bżonn li tagħmel dak li hu tajjeb. U mhux tagħmel it-tajjeb meta jfettillek jew xi kultant, imma kull ħin, kuljum u kullimkien.

Għaliex jekk ħaddieħor jemmen li int qed tagħmel is-sewwa, dak jiftaħlek orizzonti u opportunitajiet ġodda fil-ħajja politika tiegħek. Għaliex li tagħmel it-tajjeb huwa tajjeb. U hekk tieħu dak li hu tiegħek bi dritt, jiġifieri li int bniedem diċenti politikament. Jekk trid tkun politiku tajjeb lanqas biss trid tikkonsidra x’se takkwista mill-politika. Li taf, li int u ta’ madwarek jafu, li int għandek il-kuxjenza f’postha, għaliex taf li qed tagħmel dak li hu tajjeb, għandu jkun biżżejjed għalik. B’hekk tkun tista’ tafferma li int persuna integra. Għamel kollox b’integrita’ anke meta ma hu qed jarak ħadd. Jekk mingħalik li ma hemm ħadd jarak, ftakar li l-fatt li int onorevoli, ser ikun hemm min iħares lejk. U li tissejjaħ onorevoli fil-ħajja politika huwa l-ikbar unur għalik. Jekk tagħmel is-sewwa u tkun integru, it-titlu ta’ onorevoli jkun jixraqlek mingħajr l-iċken fjut ta’ biża jew dubju.

Leave a Reply