Il-Partitarji ta’ Adrian Delia telgħu b’mod spontanju fuq il-Fosos

Artiklu minn osservatur politiku

F’artiklu preċedenti tiegħek, Dr Mercieca, taħt it-titlu ‘Għaliex ma għandux jintuża kliem li jsaħħan l-irjus?’ kien hemm paragrafu li jgħid hekk:

Imma Bernard Grech għoġbu jgħid b’ċertu arroganza fi kliemu, li dak li għamel Adrian Delia, jekk għamlu hu għax forsi għamluh is-sostenituri tiegħu stess, mhux aċċettabbli u mhux qed jibgħat messaġġ li l-kandidati kollha qed jitkellmu u jxandru messaġġi b’leħen wieħed u magħqud.

Mela dak in-nhar qisu kien diġa’ kellek intuwizzjoni li ma kienx Dr Delia li organizza lil dak il-grupp ta’ nies biex imorru fuq il-Fosos. Qed ngħid hekk għax it-Times of Malta fl-aħħar ħadet ir-reazzjoni ta’ Dr Adrian Delia għal dak li ġara nhar it-Tnejn 20 ta’ Settembru fuq il-Fosos. Huwa ċaħad u kien skjett li kienu sostenituri tiegħu li ddeċidew li jmorru fuq il-Fosos f’dawn il-flokkijiet.

Il-preżenza tagħhom nhar it-Tnejn fir-rally tal-Partit Nazzjonalista kienet tirrifletti l-imħabba tagħhom lejn il-partit u żgur mhux a ‘show of force’. Fi kliem ieħor kienet inizzjattiva spontanja imma fl-istess ħin ikkoordinata tas-sostenituri tiegħu li jmorru fuq il-Fosos b’dawn il-flokkiijiet u Adrian Delia ma kien jaf xejn dwarha.

Fl-aħħar it-Times ħadet il-kummenti tiegħu u Dr Delia mill-ewwel qal x’ġara eżatt nhar it-Tnejn li għadda. Imma kienet l-istess Times li qalgħet dan it-taħwid kollu, għax kien il-ġurnalist tat-Times li staqsa mistoqsija ‘loaded’ apposta lil Dr Grech biex jiżra’ l-inkwiet. Issa ta’ The Times ħaduha r-risposta.

Imma l-agħar li Dr Grech wieġeb b’mod ħażin ħafna. Tant hu hekk li lanqas indenja ruħu jgħajjat lil Dr Delia biex jiddiskutu. Fil-fatt Dr Delia, dejjem skond it-Times qal li ħadd mil-partit ma kelmu, la dwar ir-ritratti li tella’ u lanqas dwar is-sostenituri tiegħu li telgħu fuq il-Fosos b’dawn il-famużi flokkijiet. Dr Delia kompla jgħid lill-ġurnalist li hu mar fuq il-Fosos waħdu u ma kellu lil ħadd jakkompanjah. Hu saħaq li matul il-ġurnata tat-Tnejn hu tella’ post fuq Facebook biex jinkoraġġixxi n-nies jitilgħu fuq il-Fosos u kkonferma wkoll li dawk il-flokkijiet ġew stampati biex kostitwenti u supporters tiegħu jilbsuhom biex jgħinuh waqt il-kampanja elettorali.

Meta tella’ ritratti tal-grupp tan-nies, Dr Delia qal li dawk kienu t-team tiegħu għall-okkażżjoni tal-Indipendenza. Kompla jgħid li “I’m not sure at all as to what kind of show of force this could be interpreted”. Is-sostenituri tiegħu żgur ma riedu ebda interpretazzjoni ta’ ‘show of force’ għax mhux dik kienet l-intenzjoni tagħhom.

Dr Delia kompla li kollha attendew għall-okkażjoni organizzata mill-partit u jispera li fil-futur aktar deputati u kandidati jipprovaw jissolleċitaw aktar sostenituri ħalli jkun ċert li kull avveniment ikun suċċess. Dr Delia kompla jgħid lill-ġurnalist tat-Times li ma jistax jifhem kif supporters li qed jilbsu flokkijiet bl-arma tal-partit u jattendu attivita’ tal-partit stess, għandhom jiġu kunsidrati li qed jagħmlu xi ħaġa ħażina. Delia ma setax jifhem għala din l-inizzjativa kienet qed tkun spinjata f’kontroversja.

Lanqas jista’ jifhem kif il-preżenza ta’ dawn in-nies kienet hemm biex b’xi mod iddgħajjef lil Dr Bernard Grech. Li kieku dawn in-nies riedu verament dgħajfu l-okkażżjoni jew lil Dr Grech, ma kienux jattendu jew kienu jiġu biex itellfu u mhux biex attwalment jinkoraġġixxu n-nies jattendu.

Fil-fatt kompla jgħid li dan żgur mhux grupp ostili imma grupp ta’ żgħażagħ u adulti sostenituri tal-Partit Nazzjonalista li ilhom jattendu l-festi tal-Indipendenza tul ħajjithom kollha. Dr Delia kkonkluda meta qal lill-ġurnalist li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni serja ħalli noħorġu mill-greylisting kemm jista’ jkun malajr u oppożizzjoni b’saħħitha li tispjega l-viżjoni ċara tagħha ħalli tħalliha toffri lilha nfisha bħala Gvern alternattiv.

Dr. Delia kompla li hu fuq dak qed jikkonċentra meta jdur id-distrett u min qed jispostja l-attenzjoni fuq flokkijiet milbusin f’okkażżjoni tal-partit, żgur li mhux qed jagħti sehmu għall-bżonnijiet li għandu l-pajjiż bħalissa.

Leave a Reply