Joseph Grech u Nicky Azzopardi ser jagħmlu rapport ieħor biex jgħidulna x’sejjer ħażin fil-Partit Nazzjonalista llum?

Blog post minn osservatur politiku

Fl-2019 il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, immexxijin minn l-avukat Joseph Grech u l-avukat Nicky Azzopardi, kienu għamlu rapport lill-kap tal-partit ta’ dak in-nhar fejn elenkaw punti ta’ kritika ħarxa dwar il-fazzjonijiet eżistenti u r-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan l-organu taż-żgħażagħ kien ħareġ qatta’ bla ħabel kontra Dr Adrian Delia.

Tajjeb li wieħed jerġa’ jaqrah u naraw x’kienu qalu u x’inbidel illum jekk inbidel. Dan il-forum kien qal li fazzjonijiet fil-partit ma kienux xi ħaġa ġdida. Imma minn dak in-nhar li ġie elett Dr Delia, kienu qalu li gruppi fuq media soċjali, fuq il-Facebook u fuq il-WhatsApp kienu twaqqfu biex jattakkaw u jdejqu individwi biex jwaqqfuhom jew isiktuhom.

Għall-MZPN dak in-nhar dawn kienu affarijiet mhux aċċettabbli u kienu qed jirnexxilhom jinstigaw aktar nies biex jiġġieldu u jgħajru lill-istess Nazzjonalisti. Nistaqsi, fejn qiegħdin illum? Jeżistu gruppi fuq Facebook li kontinwament jattakkaw lill-ħuthom Nazzjonalisti? Dażgur li jeżistu.

Mela x’inbidel minn sentejn lil hawn? Fejn qiegħda l-MZPN illum? Sentejn ilu l-MZPN kienu qalu li kienu qed jiġu attakkati mit-tmexxija ta’ dak iż-żmien. L-amministrazzjoni kienu naqsu wkoll li jagħtu każ ta’ ideat li kienu qed iressqu l-MZPN li kienu jmorru kontra l-ħsieb tat-tmexxija ta’ dak in-nhar. Nistaqsi, fejn qiegħda l-MZPN illum? Għaliex ma tantx għadha tinstema jew tressaq l-ideat tagħha? Jista’ jkun li llum tant hemm ġenerali fit-tmexxija li ma humiex qed jagħtu każ tal-fergħat u kullma jressqu?

Skond l-MZPN sentejn ilu, it-tmexxija ta’ Adrian Delia kienet adottat strateġija ta’ aqsam u rrenja. Skond Joseph Grech, Nicky Azzopardi u sħabhom kien hemm min ġie mogħti l-intrigu li kull poter fit-tmexxija jibqa’ f’idejn il-ftit nies li kienu madwar it-tmexxija li kellhom l-uffiċini fit-tieni u t-tielet sular. Ta’ min jistaqsi llum, min għandu l-poter f’idejh? Il-fergħat bħal l-MZPN, jew il-poter huwa totalment ikkonċentrat f’idejn il-kap u l-ġenerali ta’ madwaru? X’inbidel Dr Joseph Grech u sħabek li sa ftit taż-żmien ilu kontu għadkom fl-MZPN?

Dak iż-żmien l-MZPN kienet ikkritkat il-mod kif il-kap kien keċċa lil Simon Busuttil mil-grupp parlamentari. Biex jinkuljunaw, dak iż-żmien l-MZPN kienet qalet li l-maħfra lil Simon Busuttil kienet parzjali. Qatt ma ħarsu lejn il-ħsara li kien għamel Simon Busuttil lit-tmexxija u lill-kap tiegħu dak iż-żmien? X’jgħidu llum fuq dik l-istess tkeċċija li ġiet irtirata? Sentejn ilu l-MZPN kienet maqdret lit-tmexxija għax ma pruvatx tibni l-bridges mal-grupp ta’ Daphne. X’jgħidu llum l-MZPN meta jafu li dawn in-nies qatt ma riedu jersqu lejn il-partit immexxi minn Adrian Delia u wara li spiċċa Delia, ippretendew u stennew li jiddettaw huma, bħalma qed jintqal li qed jagħmlu?

L-MZPN, sentejn ilu, kienet attakkat il-mod ta’ kif saru l-kummenti wara t-telfa tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Forsi issa jilluminawna l-MZPN dwar is-surveys li ħerġin xahar wara xahar? Forsi jgħidulna l-ħbieb tal-kap tal-lum li qed jintlifu s-surveys minħabba l-football u affarijiet bħal dawn. X’se jagħmlu l-MZPN illum, meta jafu li għalkemm qed ikun hemm indikazzjonijiet diżastrużi fis-surveys, it-tmexxija xorta qed tgħid li l-partit qed javvanza? Tgħid issa jgħoddu l-iskużi li qed jinġiebu kull darba li joħroġ survey?

Sentejn ilu ż-żgħażagħ kienu kkritikaw li l-partit kien qed jaqfel barra mħuħ li kienu lesti biex jagħtu s-sehem tagħhom. Jekk dak in-nhar kienu tħallew barra l-imħuħ, li forsi wkoll meta ġew lura għamlu straġi u kissru iktar il-partit, illum x’qed isir biex jidħlu mħuħ ġodda meta qed naraw kollox ikkonċentrat fuq erbgħa min-nies?

Dak iż-żmien kienet saret kritika wkoll li l-partit ma kienx jaf fejn hu sejjer. Dak iż-żmien kien hemm ix-xewqa li l-partit imur lura għand il-poplu, xi ħaġa li kienet sabet ħafna jaħdmu kontra tagħha. Illum x’qed isir? Ma għandix fuq xix tikkritika l-MZPN meta qed naraw li l-partit qed kull ma jmur jitlef il-prinċipji tiegħu tad-demokrazija u tal-Kristjaneżimu.

Imma l-qofol ta’ kollox kien jinġabar fl-aħħar punt għax dik kienet ix-xewqa tal-MZPN dak in-nhar. Kienu qalu li l-amministrazzjoni tal-partit li ma rnexxielhomx jiksbu riżultat tajjeb fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kellhom jerfgħu r-responsabilita tagħhom, jagħżlu nies li jagħqdu u mhux nies li jkomplu iniżżlu l-isfel lill-partit. Dak iż-żmien, skond l-MZPN, il-partit kellu bżonn jerġa’ jsaħħaħ il-kredibilita’ tiegħu għax mingħajr kredibilita’ l-partit ma kien jippreżenta lil ħadd. X’jgħidu issa l-MZPN meta sirna nafu li dak kollu li ntqal fuq il-kap dak in-nhar, kien ibbażat biss fuq gideb magħġun minn deputat tal-partit stess?

L-MZPN dak in-nhar riedu bidla fit-tmexxija u wara ftit xhur ħaduha. Imma issa l-istess MZPN iridu jgħidulna kemm mar ‘l quddiem il-partit billi nbidlet it-tmexxija. Forsi wasal iż-żmien li l-MZPN terġa’ tagħti titwila lil dak ir-rapport tal-2019 u tistudjah ftit u saħansitra tikkummenta dwaru. Forsi wkoll tikteb rapport ieħor li jwassalna biex naraw kif inhi s-sitwazzjoni llum. Forsi wkoll il-kumitat preżenti tal-MZPN jerġa’ jistieden lil Joseph Grech u lil Nicky Azzopardi ħalli jgħinuhom jiktbu rapport ieħor biex jelenkawlna x’inbidel minn sentejn ‘l hawn wara li sena ilu nbidel il-Kap.

Leave a Reply