Għaliex ma għandux jintuża kliem li jsaħħan l-irjus?
Blog post minn osservatur politiku
Fuq il-Facebook hemm grupp jismu ‘Il-Kotra’. Xi ħadd interessah jixxerja post ta’ Illum li fih qed jirreferi meta “Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iddeskriva bħala “inaċċetabbli” dik li qed tkun deskritta bħala “show of force” mill-partitarji tal-eks-kap Nazzjonalista, Adrian Delia, waqt il-meeting tal-Indipendenza.”
Apparti li ma nistax nifhem x’inhi ix-‘show of force’ li dehret fuq il-Fosos meta kellek grupp ta’ nies li libsu flokk bl-arma tal-partit fuq quddiem u l-isem ta’ kandidat fuq wara. Dawn huma normali f’manifestazzjoni politiċi. Fil-kamp Laburista għadhom isiru u kienu sa ftit ilu parti mill-manifestazzjonijiet politiċi fil-kamp Nazzjonalista. Fuq kollox, dawn la għajtu, la kantaw, la tkellmu, la lissnu xi kliem mhux xieraq, la ttantaw lil ħadd, la sfidaw lil ħadd u lanqas ħolqu xi atmosfera ta’ inkwiet. Mela x’show of force’ għamlu dawn?
Imma Bernard Grech għoġbu jgħid b’ċertu arroganza fi kliemu, li dak li għamel Adrian Delia, jekk għamlu hu għax forsi għamluh is-sostenituri tiegħu stess, mhux aċċettabbli u mhux qed jibgħat messaġġ li l-kandidati kollha qed jitkellmu u jxandru messaġġi b’leħen wieħed u magħqud.
Taf x’mhux aċċettabbli Bernard Grech dan id-diskors minn ċertu Etienne Borda li qed nippubblika hawn. Dak li jiġri wara li xi ħadd jipprova juri li mingħalih b’saħħtu u jara kif jagħmel dixxiplina fil-pubbliku minflok li ssir bejn l-erba’ ħitan tal-uffiċju tiegħu. Araw x’qal: Dan qed jhedded li jiġi jagħti xebgħa xkupa u daqtejn bl-arma li qatlet lil Raymond Caruana.
Dak li jiġri Dr Grech meta bi kliemek issaħħan l-irjus. Dak li jiġri meta ma tigdimx ilsienek u tagħmel li għandek tagħmel bil-kwiet u mhux bis-suppervja u b’arroganza u b’lingwaġġ qisek ta’ werwer. Dr Grech l-eżempju ikaxkar u s-Sur Borda mexa fuq l-eżempju tiegħek, imma uża kliem ħafna aktar kulurit.
Issa x’se jagħmlu dawn in-nies, jgħidulek li jekk jiġrilhom xi ħaġa se jżommuk responsabbli talli użajt kliem li stajt evitajtu? X’se jgħidulek dawn in-nies li għax ridt turi li int il-kap u kulħadd irid joqgħod għal li tgħid int, spiċċaw mhedda minn terza persuna li ma jafuhiex minn Adam?
Għalija l-flokkijiet ma dejqunix għax ma ħolqu ebda theddida, imma dan id-diskors tas-Sur Borda mhux biss dejjaqni imma qed jinkwitani ħafna. Ħafna minn dawk in-nies nafhom u ma rridx li allaħares qatt jiġrilhom xi ħaġa għal dak li għamlu għax ma kellhom ebda intenzjoni ħażina. Din aċċettabbli għalik Dr Grech?
Nafek sew u naf li dan il-kliem mhux aċċettabbli għalik. Biss dan hu dak li jiġri meta jibdew jistħnu l-irjus.

Dawn kollha jlehlu jekk tigi attwata l-ligi ta sedizzjoni li ghamli l-Inglizi fil-1932.Imma Hadd ma qed jghati kas. Free for both parties. Punt kontra rule of law.