Allavolja Alex Borg jieħu lil Peter Agius għand Nazzjonalisti mweġġa’, xorta jibqa’ jiġi mwarrab

Peter Agius organiżża konferenza oħra ġewwa Għawdex. Għal darba oħra kellu kandidat miegħu li ma kienx Għawdxi imma Malti. Din id-darba l-kandidat kien Ivan Castillo. Ma hemmx ħażin li Peter Agius jagħmel konferenza f’Għawdex ma’ kandidat Malti li mhux ħiereġ fuq dan id-distrett. 

Il-problema qedha fil-fatt li  l-uniku kandidat Għawdxi li Peter Agius għadu ma għamilx konferenza stampa miegħu huwa Alex Borg. Il-vera raġuni għala Peter Agius ma għamilx konferenza stampa miegħu hija għaliex Alex Borg huwa ta’ Giovanna Debono.

Dan ġie konfermat minn ħadd għajr ħlief l-ex-xufier tal-ministru Chris Said, Daniel Cordina. L-Għawdxin kollha jafu li Said kien ir-rival ta’ Giovanna Debono. Ħadem kontra tagħha u qatt ma tniffes meta għaddew ir-raġel tagħha minn martirju.

Daniel Cordina tella’ ritratt biex juri li mhux veru li Peter Agius qiegħed iwarrab lil Alex Borg.

F’dan ir-ritratt jidher Peter Agius u Alex Borg mixjin flimkien. Dak li ma qalx Daniel Cordina, li dan mhux ritratt ta’ konferenza stampa imma ritratt ta’ house visits. Inkun qed ngħid sew li tant kemm Alex Borg iħobb lill-Partit Nazzjonalista li beda jieħu lil Peter Agius fi djar ta’ Nazzjonalisti rrabjati għall-Partit Nazzjonalista għal mod kif kienet ġiet ittrattata Giovanna Debono wara li r-raġel tagħha ġie mixli fil-falz?

Dak li jrid jieqaf jagħmel Peter Agius huwa li jieħu l-rowl bħal li kieku huwa hu l-kap tal-partit jew il-ministru ta’ Għawdex. Jekk għandu istruzzjonijiet li joskura lil Alex Borg, allura jieqaf jagħmel konferenzi stampa minn Għawdex u jġib kandidati Maltin għalihom. Ħsara u mhux ġid qed jagħmel f’Għawdex. Dan għaliex l-Għawdxin jippretendu li jaraw u jisimgħu, kif normalment isir, kandidati tagħhom x’għandhom xi jgħidu.

Nifhem li Peter Agius ma għandux interess li jkun kandidat fl-elezzjoni ġenerali li jmiss u wisq aktar kandidat fuq Għawdex. Nifhem li l-interess tiegħu huwa primarjament fl-elezzjonijiet tal-MEPs Ewropej. Għalhekk aktar importanti li dan ix-xogħol jagħmlu sew għaliex dawn l-azzjonijiet ħżiena li qed jagħmel lil Alex Borg ser ibatihom ‘il quddiem. L-Għawdxin ma jinsewx.

Fuq kollox b’dak li qed jagħmel f’Għawdex qed joħloq konfużjoni fl-imħuħ tan-nies. Qed jidher ċar li qed jibża’ jew iħoss li Alex Borg hu ta’ theddida għal kandidat jew deputat partikolari. Dan id-dell ser jibqa’ jiġri warajh għaliex issa hija ovvja lil Alex Borg qed ikun imwarrab min-nies tad-Dar Ċentrali anki jekk ismu qiegħed fil-lista tal-kandidati li ser joħroġ fl-elezzjoni li ġejja. Hu fatt magħruf li Chris Said irid il-kontroll ta’ Għawdex. B’hekk huma importanti li Alex Borg ma jingħatax d-dritt li jindirizza konferenza stampa kif ingħataw id-dritt il-kandidati l-oħra Għawdxin.

Biss din l-istorja ta’ Alex Borg qed ikollha riperkussjonijiet fil-Partit Nazzjonalista. Infakkar lil Peter Agius li fil-Partit Nazzjonalista għandek ħafna kelliema li bi dritt qed jippretendu li jkunu huma li jindirizzaw il-konferenzi. Dan ma jfissirx li ma għandhomx jissejħu kandidati ġodda u żgħażagħ. Hemm id-deputati li għandhom il-ġurisdizzjonijiet tagħhom, allura la tajbin biex jitkellmu fil-parlament għaliex ma jkunux huma li jindirizzaw konferenzi fuq suġġetti li huma jkopru fil-parlament mal-kandidati ġodda? Għalfejn għandu jiġi xi ħadd ieħor u jindirizza hu? Għaliex dan qed isir f’Għawdex? Ir-risposta tinsab fil-fatt li f’Għawdex jikkontrolla kollox Chris Said tant li saħansitra qed idur il-kunsilli u jgħidilhom li hu qed ikellem lill-kunsilliera għax risponsabbli mill-kunsilli meta kulħadd jaf li l-persuna risponsabbli mill-Kunsilli hija Karl Gouder.

Dan qed jidher li qed jinħass sew waqt dawn il-konferenzi. Ċert li hemm deputati li qed jitħassbu għal kif qed jimxu l-affarijiet u qed ikunu wkoll irrabbjati għal kif jintgħażlu n-nies biex jindirizzaw il-membri tal-istampa jew li jieħdu l-mistoqsijiet mingħand il-ġurnalisti. Imbagħad xi kandidat bħal Alex Borg jiġi mwarrab.

Wieħed jifhem li għandek imbagħad kandidati li ma humiex deputati li wkoll jixtiequ jidhru. Biss meta wieħed jara kif qed ikun ttrattat Alex Borg, dan mhux fatt ta’ persuna li jixtieq jidher. Borg voti biss jista’ jġib lill-PN. Imma l-mod kif qed ikun trattat qed iwassal biex ħafna qed jaħsbuha darbtejn biex joħorġu kandidati mal-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex m’humiex jaraw futur f’dan il-partit. Qed jindunaw li jekk id-diriġenti jaraw f’kandidat, bħal Alex Borg, potenzjal, jispiċċaw biex jiġu mitfijin. Dan jispjega għala l-Partit Nazzjonalista mhux qed isib kandidati f’Għawdex tant li kellu jġib waħda Maltija, li għandha egħruq il-bogħod ma’ Għawdex biex toħroġ fuq dan id-distrett biex forsi titla’ mill-vot tan-nisa.

Infakkar lil Peter Agius li għal Għawdxin mhux billi tmur Għawdex u tagħti konferenza stampa. Dak ma jkunx biżżejjed. L-Għawdxin jistennew li l-kandidati tagħhom ikunu preżenti għal dawn il-konferenzi stampa u stmati ta’ nies.

One comment

Leave a Reply