Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jerbaħ l-elezzjoni b’dawn il-battibekki interni

Jekk mhux se jinqatgħu l-battibekki nterni fil-Partit Nazzjonalista, jista’ jikkonsidra diġa’ minn issa li l-elezzjoni mitlufa. Jekk mhux se jieqaf it-tgħajjir li għaddej fuq Facebook bejn sostenituri ta’ dak kontra tal-ieħor, inutli joqgħod isir it-tħambiq għall-għaqda. Il-partitarji tal-Partit Nazzjonalista donnhom iktar mitlufin fuq x’qed jagħmel dak jew dik fl-istess partit, milli qed jaraw u jiddiskutu x’qed jagħmel il-partit oppost. L-Oppożizzjoni tagħhom qed iżommuha nterna, flok jikkonċentraw fuq min hu verament l-avversarju politiku.

Araw x’ġara lejlet l-Indipendenza meta kien hemm id-diskors ta’ Dr Bernard Grech. Għax kien hemm grupp ta’ sostenituri ta’ kandidat partikulari li libsu flokk bl-isem tal-kandidat, x’ma qalulhomx. Għajruhom li l-intenzjonijiet tagħhom kienu ħżiena u riedu jaqilgħu l-inkwiet. Għajrunhom Faxxisti għax kienu libsin flok blue skur għax ħasbu iswed.

Kont napprezza ħafna iżjed kieku dawn il-kummenti kollha, flok kienu diretti lejn Nazzjonalisti bħalhom, saru fuq id-diskors tal-Prim Ministru u jirriflettu ftit fuq dak li qal. Nistaqsi, x’ħadu dawn is-suppost Nazzjonalisti li attakkaw kemm felħu lis-suppost ħuthom fl-istess Partit? Tgħid akkwistaw xi ruxmata voti jew għall-kuntrarju naffru kemm felħu Nazzjonalisti oħra li kull ma jridu jaraw l-għaqda u vot qawwi favur il-partit tagħhom, il-Partit Nazzjonalista?

Dan it-tgħajjir intern ma jagħmel xejn ħlief iġib il-firda, aktar milli hemm. Apparti dan is-suġġett partikulari, qed naraw fuq il-media soċjali kemm qed isiru kummenti fuq deputati u kandidati għal dak kollu li jagħmlu. Min għax organizza privat għas-sostenituri mid-distrett tiegħu, min għax kiteb xi kelma li daqqet ħażin fuq Facebook, min għax ma attendiex fuq il-Fosos, min għax mar waħdu fuq il-Fosos u ma ndenjax jieħu lil ħadd miegħu ħalli jiżdid in-numru ta’ dawk preżenti fuq l-istess Fosos.

Imma possibbli hawn daqstant Nazzjonalisti, akkaniti biex jattakkaw lil xulxin u lanqas biss jindenjaw iħarsu lejn id-deputati u kandidati tal-partit oppost u jikkritikaw lilhom u mhux ħsiebhom x’qed jagħmlu tagħhom stess. Possibbli dawn in-nies li dejjem lesti li jagħmlu elenku ta’ tgħajjir jew kritika lejn ħuthom, m’humiex kapaċi iħażżu erba’ kelmiet ta’ kritika lejn xi ħadd mill-avversarji politiċi tagħhom?

Possibbli tant hu perfett dan il-partit fil-Gvern, li Nazzjonalisti lesti li jikkritikaw lil ħuthom biss u jwarrbu l-kritika lejn membri opposti? U oħroġ il-għaġeb, il-kritika lejn ħuthom hija kollha mimlija b’insinwazzjonijiet ħżiena. Dak li jiktbu qishom l-ewwel ibilluh fil-valenu. Ma jafux xi tfisser titfa’ daqsxejn zokkor fuq ilsienek qabel tfajjar. Ma hemmx kantunieri fit-tgħajjir. Ma hemmx rażan, għaqlalu għax hekk ħaqqu għax dak kontrina allavolja wieħed minn tagħna.

Ma rridx nara lanqas tgħajjir valenat kontra l-avversarju politiku. Imma kemm jinħass iktar agħar meta taqla’ dak il-kwalita’ ta’ tgħajjir mingħand min suppost qed ixejjer l-istess bandiera. Dak ikun iżjed penetranti u ta’ uġigħ. Inutli, ħafna tħambiq mid-diriġenti tal-partit. Inutli jsiru konferenzi. Inutli jsiru diskorsi jew kitbiet mill-amministrazzjoni preżenti għax jekk mhux se jagħmlu kampanja ta’ trażżin mit-tgħajjir, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jiġbed warajh dawk in-nies li jagħmlu l-maġġoranza ta’ votanti, dawk in-nies li għalihom it-tgħajjir ma jgħodd xejn. Għalihom jgħodd biss ir-rieda tajba u l-ġid lejn il-persuna u l-pajjiż.

Leave a Reply