Il-ħfir tad-dejn tal-Partiti – mhux aċċettabbli
Assulutament ma naqbilx mal-proposta li saret li l-istat għandu jaħfer id-dejn tal-partit politiċi. Il-partiti politiċi għandhom jagħtu ruxmata flus lill-iStat minħabba nuqqas ta’ pagamenti fuq taxxa, VAT u bolli. Huwa skandaluż li dawn l-ammonti għandhom jitilgħu għal miljuni ta’ ewro. Huwa aktar oxxen meta tkun taf li dan id-dejn u dan in-nuqqas ta’ pagamenti ilu ġej is-snin. Huwa aktar agħar meta jgħidu li ma jkun sar xejn jew jekk sar xorta ma mxewx mal-ftehim. Huwa aktar oxxen li llum ċittadin jittella’ l-qorti fuq ħasil ta’ flus u jżommuh arrestat il-ħabs għax isibuli xi elf euro fi flus kontanti li ma ġewx iddikkjarati. Imbagħad kulħadd irid jagħlaq għajnejn f’dak li qed jiġri ġewwa l-partiti politiċi.
Meta tisma’ dawn l-affarijiet forsi jkollok tiftakar u tfakkar għalfejn kull partit kien ikollu numru kbir ta’ voluntiera jagħtu servizz lill-partit tagħhom b’xejn. Għax dawn kienu jemmnu f’ideali. Allura dawn ma għadhomx jeżistu? Dawn ma għadhomx imorru jaħdmu b’xejn? Jew ix-xogħol li kienu jagħmlu l-voluntiera issa qed jagħmluh il-full timers wara li dawn l-istess volontiera ġew imwarrba. Allura issa x-xogħol ikun iżjed komdu għax hemm il-qligħ tal-flus.
Jekk jinħaref id-dejn li l-Partiti għandhom mal-istat, il-poplu Malti jkun qed ħallas darbtejn. Ikun ħallas meta jagħti s-sehem tiegħu waqt il-maratoni u jerġa’ jħallas meta jinqata’ id-dejn mill-iStat. Kemm ikun sewwa għall-partiti li jonfqu kemm jifilħu għax jafu li l-Gvern se jaħfrilhom id-djun u l-obbligazzjonijiet li għandhom.
Imma għala ġie akkumulat dan id-dejn kollu. L-ewwel deċiżżjoni li tittieħed mill-partiti tkun dik li jħallsu lil min jagħtihom servizz privat. B’hekk iħalli d-dejn mal-Gvern dejjem tiela’. Dan qed iwassal biex ikun hemm aktar abbużi finanzjarji. Biss issa beda ġej l-inkwiet għaliex numru ta’ ħaddiema qed joqorbu lejn il-penzjoni. Jekk ma jkollhomx il-bolol imħallsa, ma jkunx jistgħu jeħdu penzjoni.
Issa kull partit politiku għandu s-sezzjoni tal-finanzi tiegħu. Dak li għandu jagħmel partit huwa li jagħmel awditjat sal-anqas ċenteżmu biex wieħed ikun jaf kienx hemm tberbiq mhux neċessarju jew addirettura serq. Jekk kollox ikun jidher sewwa ma għandux ikollu problemi biex iħallas dak li hu dovut lill-istat. B’dak li qed ikun propost qed ngħidu lill-partiti biex ikun aktar korrotti għaliex finalment jafu b’ċertezza li l-istat ser jaħfer id-dejn tiegħu magħhom.
Smajna ħafna diskors ta’ kemm seta’ sar serq. Allura xi jfisser dan l-atteġjament, li jekk ikun sar is-serq, min seraq jiġi mogħti l-barka, u viva Ġesu u viva Marija. Jiddispjaċini imma din hija sitwazzjoni li trid tiġi studjata sewwa u mhux jinqata’ d-dejn qisu min kien responsabbli seta’ jagħmel li jrid. Jekk jiġri hekk, ikun qed jintbagħat messaġġ li l-partiti jistgħu jonqsu għax id-dejn tagħhom jiġi maħfur.
Kif inhi s-sitwazzjoni llum il-partiti qed jistrieħu biss fuq id-donazzjonijiet. U hekk għandu jibqa’. Kien hemm żmien fejn partiti kellhom il-kumpaniji tagħhom. Dawn kienu qed jagħmlu l-flus. X’ġara? Dawk il-kumpaniji li kienu qed jirrendu f’daqqa waħda fallew u b’kumbinazzjoni faqqsu kumpaniji simili fil-privat.
Naħseb li dak li hemm bżonn huwa ta’ aktar onesta fil-partiti infushom. Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel li għandu jsir hu li jiġi analizzat sewwa kif il-partiti spiċċaw b’dan id-dejn kollu li għandhom. Min kien risponsabbli jħallas ta’ egħmilu. Mhux sew li min seraq irid jagħmel tajjeb għalih l-iStat.
