Meta d-diskors politiku jinżel fuq livell personali, jitlef kull sens ta’ maturita’ politika
Blog post minn osservatur politiku
It-Tnejn, lejlet il-festa tal-Indipendenza, kellna żewġ indirizzi politiċi miż-żewġ kapijiet jew mexxejja tal-partiti politiċi l-kbar. Jekk għoġbukomx jew le, se nħalli f’idejn kull wieħed u waħda minnkom. Jiena se nislet kwotazzjonijiet u se nniżilhom hawnhekk kelma b’kelma kif inqalu minn Dr. Bernard Grech, u niddiskutu wara.
Mhux ta’ xi ħadd li xtara l-yacht li bilfors irid jorbtu taħt id-dar tiegħu.
Jiena lilek nifhmek għaliex f’ħajti batejt u stinkajt biex wasalt. Bħalek ma ħadtx la direct order u anqas servizzi mill-Palazz tal-President. Bħalek ħammiġt idejja u mhux ħammiġthom bit-tixħim imma ħammiġthom bix-xogħol.
Dan ħsiebu biex jagħmel il-marina Marsaskala biex ipoġġi l-yacht tiegħu stess u ħsiebu biex jgħatti xturu u xtur sħabu.
Kif jista’ jifhem lilek. Dan jitfa’ €300 diesel fil-yacht u jerħila lejn Sqallija.
Lilek ma jistax jifhmek għaliex huwa sab is-sodda mifruxa mhux bħalek u bħali li kellna naqtgħu bi sniena biex imxejna.
Dawn huma ħames siltiet mid-diskors ta’ Dr Bernard Grech. Huma nsinwazzjonijiet, anżi nażżarda ngħid tgħajjir, li Dr Grech għamel lil Dr Abela, waqt id-diskors tiegħu.
Jiena nieħu pjaċir nisma’ diskorsi politiċi mqanqla. Imma ma nista’ qatt nisma insinwazzjonijiet personali, minn kap ta’ partit għall-mexxej ta’ partit ieħor. Dawn is-siltiet tilfu kull kobor li seta’ kellu d-diskors ta’ Dr Bernard Grech. Meta tniżżel il-politika fuq livell personali, tkun tlift kull argument li stajt għamilt tul l-indirizz tiegħek. Dan mhux aċċettabbli.
Jekk Dr Abela għandu l-possibilita’ finanzjarja li jixtri yacht, x’hemm ħażin? Għal darba darbtejn waqt id-diskors tiegħu, Dr Grech prova jiżżuffjetta bil-fatt li Dr Abela xtara yacht. Xi dritt għandu xi ħadd, hu min hu fil-ħajja politika, li jindaħal x’jagħmel politiku ieħor mill-kamp tiegħu jew mill-kamp oppost. Din ma hi xejn ħlief attakk ta’ għira, għax politiku jista’ jagħmel xi ħaġa li ħaddieħor ma jaffordjax. Dak li jrid ikun attakkat huwa l-fatt jekk Robert Abela jaffordjax yacht u jekk jaffordjah kif qala’ flus. Jekk il-flus qalgħahom bis-sewwa, sew jagħmel li jkollu yacht.
Dr Grech għadda battuta oħra lil Dr Abela, fejn qal li bata u stinka biex wasal. X’qed jgħid hawnhekk Dr Grech, li Dr Abela ma studjax biex laħaq avukat? Li Dr Abela ma ħadimx kemm felaħ biex saħħaħ il-klientela tiegħu bħala avukat? Li Dr Abela mhux bil-ħila tiegħu laħaq fejn laħaq u sar avuakt? Għal darba oħra hemm xi insinwazzjoni li jekk ħa direct order, allura kif ma ħadtx jien ukoll? Biss infakkar li Bernard Grech, li Robert Abela ilu jieħu flus ta’ konsulenza minn żmien ta’ meta l-PN kien fil-gvern.
Bħala avukat Dr Grech indirizza avukat ieħor. Jekk l-avukat iħammeġ idejh biex jaħdem, mela ħammġuhom it-tnejn għax kellhom it-tnejn imorru fl-istess qorti jiddefendu lill-klienti tagħhom. Jekk mhix għira din il-battuta, ma nafx x’inhi għajra. Ma għandix dubju li Bernard Grech mhux qed jgħir għal Robert Abela. Biss min kitiblek dan id-diskors kien qed idoqq it-trumbetta u interessi ta’ x’uħud fil-Partit Laburista, li referenza għalihom saret fi blog separat il-bieraħ.
Tah fastidju lil Dr Grech li jitfa’ ammont ta’ diesel fil-yacht tiegħu u jmur sa Sqallija. X’ħaseb li se jagħmel bil-yacht? Iħallih marbut fil-port biex ma jitfalux €300 diesel? Allura għalfejn xtrah? Naħseb kien jaf li dawk huma l-ammonti li ried jitfa’ fil-yacht tiegħu. X’jidħol u joħroġ lil ħadd x’jagħmel Dr Abela meta jkun irid imur x’imkien bil-yacht tiegħu? Dawn ma humiex diskussjonijiet ta’ Partit Konservattiv. Jekk jaffordjah, sew għamel li għandu yacht. Basta l-flus ġew b’mod leġittimu. Dan hu l-punt li jrid jitkellem dwaru Bernard Grech.
L-aħħar waħda hija forsi l-iktar battuta kerha li seta’ jagħmel Dr Grech għaliex tefa’ insinwazzjoni kerha li saħansitra daħħal fin-nofs lill-ġenituri ta’ Dr Abela. Mela għax il-ġenituri tiegħu stinkaw u ħadmu għall-familja tagħhom, qed jinsulenta li l-wild gawda minn fuq dahar missieru u ommu. Anzi partit Konservattiv dak li jippromovi li l-ġenituri jieħdu ħsieb uliedhom. Jien ma naqbilx ma dan it-tip ta’ diskors. Min jagħmel dawn il-botti jkun qed jagħmel ħsara lill-messaġġ li jrid iwassal.
Meta l-politika taqa’ f’dawn il-livelli, ikun qed isir żball kbir. Meta tgħajjar fuq livell personali tkun qed titlef kwalunkwe argument, tajjeb kemm hu tajjeb, li jista’ jkollok. Biex isir diskors tajjeb, ma hemmx għalfejn taqa’ fuq livell personali. Messaġġ politiku tista’ twasslu b’mod meqjuż. Dan hu li jagħmel oratur b’saħħtu. Infakkar li Adrian Delia qatt ma niżel għal-livelli personali. Meta jsir hekk jintilef kull sens ta’ maturita’ politika.