Hemm bżonn ta’ aktar entużjazmu fil-Partit Nazzjonalista bħalma offrew il-partitarji ta’ Adrian Delia

Blog post minn osservatur politiku

Kif wieħed seta’ jobsor, l-artiklu tal-bieraħ t’lura tal-Malta Today dwar dak li ġie deskritt bħala battibek bejn il-partitarji ta’ Adrian Delia u mara anzjana fuq il-Fosos wassal għal ħafna spekulazzjoni fuq il-media soċjali. Hawn qed nitkellem fuq l-istorja ta’ dik il-mara li marret fuq il-partitarji ta’ Adrian Delia għax ma qablitx dwar il-flokk li kienu libsin. Dan wassal għal ħafna kumment fuq il-media soċjali speċjalment minn Nazzjonalisti li għadhom kontra Adrian Delia. Skont dawn, il-partitarji ta’ Adrian Delia għamlu ħafna storbju u tkellmu ħażin. Kien hemm min saħansitra qal li ġġieldu ma’ waħda mara. Oħrajn qalu li għamlu ħażin li nġabru flimkien. Dan wassal għal kummenti li kienu diviżivi u kien hemm min qal li ibbujaw u forsi anke iżjed.

Dan huwa diskors li qrajt il-bieraħ fuq il-Facebook, minn ħafna suppost Nazzjonalisti, li ma ħadux pjaċir li Dr Adrian Delia mar fuq il-Fosos imdawwar b’nies li għandhom fiduċja fih u jixtiequ jarawh elett deputat fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Imma possibbli hawn daqshekk nies qnieżaħ, hawn min jgħir daqshekk, hawn min idejquh daqshekk imsarnu ġo żaqqu. Dawn x’kummenti huma. Flok ħadu pjaċir li qalb dan l-inkwiet kollu li għandu l-partit li kuljum qed jinżel iżjed fl-abbissi, jeżistu nies li qed jaraw xaqq dawl u lesti li juru li għad għandhom tama.

Flok ħadu pjaċir li għad fadal nies li lesti jakkompanjaw lill-kandidat tagħhom b’entużjażmu imma biex juru li għad għandhom fiduċja fil-kandidat u fil-partit li jippreżenta, hawn min iddejjaq b’dawn l-affarijiet. Jien niftakar tajjeb dawk iż-żminijiet li kull kandidat kien ikun imdawwar b’ħafna sostenituri tiegħu. Jien niftakar tajjeb kull kandidat ikollu l-klikka ta’ nies madwaru kollha libsin il-flokk tal-kandidat u l-maktur tal-partit iperper madwar għonqhom jew f’idejhom.

Dak huwa żmien li kien jimlik bil-kuraġġ kull darba li tattendi xi meeting jew xi okkażżjoni oħra. Kemm konna naraw kandidati deħlin għall-meeting fuq l-idejn biex juru lil kulħadd li ħadd u xejn mhu se jaqtalhom qalbhom u juru li kienu kburin li kienu kandidati tal-partit.

Mela flok fraħna magħhom dawn li kienu hemm madwar Dr Adrian Delia, qed ngħajruhom. Flok għadna li dawn in-nies se jippruvaw jerġgħu jqajmu l-entużjażmu li tant konna nitgħaxxqu bih fi żminijiet oħra, qed ngħajruhom. Flok għadna li għad fadal kandidati u ammiraturi tiegħu li lesti li jieħdu l-iżbriga u jxerrdu t-twemmin tagħhom ma kull min kien preżenti u ma kull min rahom, qed ngħajruhom.

Kieku mhux għax tal-biki realta’ bħal din, kieku ma nitkellem xejn. Dawn atti u diskors ta’ nies għajjurin u ma jaħmlux l-organizzazjoni ta’ ċertu nies. Dawn huma atti u diskorsi inumani għaliex flok tfaħħar, tikkritika u tgħajjar.

Jiena b’wiċċi minn quddiem nirringrazzjahom għal ħeġġa li qajmu fiha biex nerġa nittama, li nara dawk ix-xeni ta’ kandidati dieħlin għal meetings ferħanin u kollhom entużjażmu u determinazzjoni. Nispera u nittama li din ma tkunx l-aħħar darba li rajna dawn ix-xena fil-politika kurrenti. Nispera li mhux biss nara lil dan il-grupp, imma nara ħafna iżjed kandidati jimitaw lil dan il-kandidat partikulari jew in-nies ta’ madwaru u jagħmlu bħalhom. Jien nittama li kull kandidat jibda jerġa’ juri l-entużjażmu li konna tant imdorrijin bih matul is-snin.

Jiena nispera li nara l-kandidati kollha mdawrin bis-sostenituri tagħhom u li jaħdmu għalihom fid-distrett. Dak huwa entużjażmu. Dik hija tama. Dak huwa kuraġġ. Dawk huma iniżjattivi tajbin. Dawk huma gruppi li nixtiequ nibdew naraw matul il-kampanja kollha sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dawk huma gruppi li nixtieq nara matul dan iż-żmien ta’ kampanja elettorali anke meta l-kandidat tagħhom ikun qed jagħmel il-house visits fid-distrett fejn ħiereġ.

Grazzi tal-messaġġ li tajtuna fuq il-Fosos. Grazzi tal-entużjażmu tagħkom. Grazzi talli ġeddittulna l-memorja ta’ tant żmien sabiħ. Grazzi talli wrejtuna li għad fadal nies li lesti jagħmlu sagrifiċċji żgħar biex jaraw lill-kandidat tagħhom ikabbar in-numru ta’ kostitwenti tiegħu. Intom kontu ta’ eżempju mixtieq.

Nawguralkom u nirringrazzjakom tad-dedikazzjoni tagħkom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *