Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jerbaħ, l-ewwel irid jikkonvinċi lil ta’ madwaru

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ħadd li għadda, Dr Vincent Marmara ppubblika s-survey ta’ Settembru fejn wera li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista kompla jikber, imma xorta il-kap tal-Partit Nazzjonalista għadu jemmen li jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Fil-fatt meta kien mistoqsi dwar din ir-realta’, huwa qal li kull ma hemm bżonn li jikkonvinċi 22,000 persuna u tinqaleb il-folja. Fit-teorija, dan hu minnu. Imma fil-prattika, ir-realta’ hija oħra.

Dr Grech irid iqis li hu qed jitbiegħed mill-Prim Ministru ma’ kull survey li jiġi pubblikat u allura aħjar jara kif se jagħmel biex ilaħħaq mal-kamp oppost. Infakkar li l-istrateġija Laburista ser tkun li jibqa’ kemm jista’ jkun sal-aħħar, xi ħaġa li ndika l-bieraħ l-istess Prim Ministru meta qal li din l-leġislatura fadlilha disa’ xhur. Infakkar, li missier dan il-Prim Ministru kien kontra li elezzjni isiru kmieni u kien dejjem favur li l-gvern jieħu t-term tiegħu. Dan ifisser li l-elezzjoni ser isir is-sena d-dieħla.

Dr Grech waqt l-intervista qal li hu u ta’ madwaru għandhom fiduċja li minkejja li l-Partit Nazzjonalista għad għandu distakk, xorta jħossu li l-Partit jista’ jkompli jikber u jissaħħaħ. Biss ammetta li fadal ħafna x’jagħmlu u għalhekk iridu jaħdmu ħafna.

Meta taqra r-riżultat tal-aħħar survey, u tinduna li meta mqabbel mas-survey ta’ Lulju r-riżultat wera żieda fid-distakk. Mela kif jista’ partit jgħid li ‘kompla javanza fuq l-aħħar survey’? Kellu bil-fors jammetti li s-sitwazzjoni tal-partit tiegħu komparata mal-elezzjoni tal-2107 għadha lura. Imma hu fiduċjuż li se jmur aħjar għaliex irid jirbaħ l-elezzjoni.

Huwa donnu li qed jipprepara t-triq għal ħames snin oħra fl-Oppożizzjoni. Ma tistenniex li kap ta’ partit jgħid li l-partit tiegħu kull ma ilu tmien snin u nofs biss fl-Oppożizzjoni. Allura meta jgħid xi ħaġa bħal din, x’ikun qed ifisser? Meta jgħid li l-partit tiegħu ilu biss tmien snin u nofs qisu qed jistqarr li għadu m’ilux ħafna fl-Oppożizzjoni u allura kważi qed jgħid li hemm bżonn li joqgħod iżjed fl-Oppożizzjoni.

Huwa għamel referenza waqt li kien qed jirrispondi, li kemm ilu li ħa t-tmexxija f’idejh hu, saru avvanzi kbar. Hawnhekk titħawwad għaliex is-surveys qed juri mod ieħor. Ma fhimtx l-anqas l-argument ta’ Dr Bernard Grech meta qal li ‘hemm ħafna nies kwieti u mhux jgħidu verament x’se jivvutaw’. L-aħħar survey sar fuq 750 telefonata u lil ħadd ma saqsew jekk humiex votanti kwieti jew li ma jitkellmux. Meta l-esperti jaħdmu fuq survey, ma jistaqsux jekk hux kwiet jew le, imma jagħmlu l-mistoqsijiet u tittieħed nota ta’ x’jirrispondu u anke ta’ dawk li ma jirrispondux. Fil-fatt dawk li ma jirrispondux fis-survey huma mniżżlin bħala tali. Imma hemm mod teknoloġiku kif dawn jidħlu fir-riżultat għalkemm ma rrispondewx.

Aħna nawgurawlu lil Dr Grech imma nfakkruh li jrid jaħdem ħafna iżjed biex jipprova jikkonvinċi ‘l fuq minn 22,000 ruħ. Biss ta’ min jikkummenta li hemm bżonn jikkonvinċi l-ewwel lil ta’ madwaru biex jissieħbu miegħu f’dan it-tragward.

Leave a Reply