Il-meeting tal-bieraħ fuq il-Fosos wera li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-maltemp

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-bieraħ fuq il-Fosos ikkonfermaw dak li ilu jingħad u li hu miktub fuq il-ħajt. L-attendenza kienet waħda fqira. Hu ċar li ma hemmx ħeġġa u li l-Partit Nazzjonalista mixi lejn telfa oħra kolossali. Dan il-meeting jew rally, sejħulu li tridu sar l-għada ta’ survey ieħor skoraġġanti għall-Partit Nazzjonalista. Infakkar li dan hu l-ewwel avveniment għall-kap u l-amministrazzjoni ġdida fjamanta tal-Partit Nazzjonalista. Infakkar li l-preżenza kienet waħda marbuta ma booking u kienet fqira.

Naħseb dak li ġara l-bieraħ fuq il-Fosos wera li biex verament issir il-bidla, kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu. Dan ilu jingħad minn ħafna. Imma waqt li kulħadd jgħid li, illum aktar minn qatt qabel dan id-diskors, dan sar wieħed aktar attwali. Id-diskors qed ikun li hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżżjonijiet. Dak li jista’ jingħad fiċ-ċert li d-deċiżżjonijiet li qed jittieħdu mhux qed jiġbdu l-votant Malti. L-anqas qed jentużmaw lill-partitarji tal-istess Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista huwa maqsum ideologikament. Naħseb li din hija l-vera raġuni għala jinħass dan in-nuqqas li jittieħdu deċiżżjonijiet li għandhom jittieħdu. Aktar milli jittieħdu d-deċizzjoni li jitneħħa l-ħaxix ħażin li jikkonsistu f’elementi li mhux qed jattiraw voti, anżi qed ibiegħduhom, irid ikun hemm konferma tal-ideoloġija ta’ fejn dan il-partit irid imur.

Fuq kollox, il-bieraħ dan il-partit ipprova jagħti immaġni li hu partit żagħżugħ. Biss kulħadd induna li wara dawn iż-żgħażagħ hemm establishment li għadu qed jiġbed l-ispaga minn wara. Ir-rally jew meeting tal-bieraħ fuq il-Fosos kien konferma li l-amministraturi ta’ dan il-partit ma jridux il-vera bidla. Allura jekk it-tmexxija ma tridx tinbidel hi stess, kif tippretendi li n-nies jingħaqdu b’din il-bidla?

Naqbel ma dawk li jgħidu li meta tkun trid il-bidla ma tistax tippreżenta fit-team tiegħek nies opportunisti li ilhom li ġew riġettati ħafna snin u ħafna drabi u dawn għandhom hemm jaħdmu minn wara. Imbagħad isir appell għall-flus għaliex kampanja elettorali tiswa l-flus. Biss hawn wieħed irid jistaqsi. Fejn huwa l-volontarjat u l-ideali f’dan kollu? Fejn huma n-Nazzjonalisti li lesti jagħtu ħinhom b’xejn għall-partit tagħhom? Il-verita’ tinsab fil-fatt li dawn kienu l-ewwel nies li ġew imnaffra u mwarrba mill-partit.

Naħseb li minn sema’ ċertu diskorsi l-bieraħ ħareġ deluż. Kienu diskorsi sħieb fuq il-karta. Imma kif jgħid il-Malti. Il-kliem iqanqal imma l-imġieba tkaxkar. Kif kiteb Tommaso di Lampedusa fil-famuż ktieb tiegħu Il Gattopardo, inbidel kollox, biex ma inbidel xejn. Meta tagħmel hekk ikun ifisser ħaġa waħda, li tkun qed taħseb b’mod diżoluż. Dan iwassal biex tibda temmen id-deluzzjoni tiegħek stess, u taħseb li wara li nbiddlu n-nies, l-ebda tibdil ma hu neċessarju. Dan ikun ifisser biss li l-karba tiegħek għat-tibdil mhix ġenwina, imma hija totalment żbaljata u ħażina.

B’hekk din il-karba għat-tibdil tinbidel f’gidba oħra politika mal-elenku ta’ gideb ieħor. U din se tkun ir-raġuni prinċipali għaliex il-Partit Nazzjonalista se jaqla’ daqqa oħra fl-elezzjoni li jmiss. Ġa qed jingħad li se jaqla’ daqqa li żgur mhux se jkun jiflaħ għaliha. Hemm min qed jinsisti li wara t-telfa li jmiss, dan il-partit jisparixxi għal dejjem mix-xena politika Maltija. Jien ma naħsibx anżi nemmen li wara tkaxkira kbira oħra dan il-partit jista’ jqum fuq saqajh bħal phoenix li jitwieled mill-rimid tiegħu stess.

Fi kliem ieħor l-amministrazzjoni preżenti tippreferi li tara dan il-partit jinqered milli ddaħħlu fil-port tar-rebħa. Dan għaliex anki jekk jidher li qed isalpa b’ekwipaġġ ġdid u frisk, l-istess nies li ġabu din it-traġedja kollha fil-Partit Nazzjonalista għadhom imexxu minn wara, waqt li ideoloġikament ma baqgħax f’Malta partit konservattiv, imma l-partiti l-kbar iridu jsiru kollha tal-istess ideoloġija. B’hekk ħadd ma għandu bżonn kopja tal-Partit Laburista. Dan qed iwassal biex il-Partit Laburista jibqa’ l-għażla naturali tal-poplu Malti.

One thought on “Il-meeting tal-bieraħ fuq il-Fosos wera li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-maltemp

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *