Id-diskors tal-bieraħ ta’ Robert Abela: wera biċ-ċar li hemm problemi fil-Partit Laburista.
Lejlet l-Indipendenza, ma tkellimx biss Bernard Grech. Tkellem ukoll Robert Abela. Huwa veru li Bernard Grech mhux qed jagħmel inroads, biss xorta qed iħalli xi ftit effett fuq Robert Abela u xi ftit paniku qed jikkrea ukoll. U dan ħareġ ċar mid-diskors li għamel l-istess Robert Abela f’Ta’ Qali l-bieraħ.
Fid-diskors tiegħu, Robert Abela wera ċar li mhux kollox sejjer tajjeb fil-Partit Laburista. Diżgwid intern hemm, imma jinsab moħbi. Dak tal-Partit Nazzjonalista huwa fid-deher. Dan is-sit jista’ jiżvela li ngħatat ordni biex fir-rally tal-bieraħ ma jindaqqux diski li kienu jindaqqu fi żmien Joseph Muscat waqt manifestazzjonijiet simili. Dak ġie anki nnutat għaliex kien hemm min kitibli privatament u qalli dwar dan il-fatt.
Biss kien hemm elementi oħra li ħarġu f’dan ir-“rally”. Robert Abela talab lill-kandidati u d-deputati biex ikun stilel. Dan għamlu għaliex hemm numru ta’ deputati u anki ministri li qed iħossuhom mwarrba jew agħar li ma jafux sew fejn qegħdin ma’ Robert Abela. Dan jispjega għala, waqt dan id-diskors tiegħu, Robert Abela qal aktar minn darba li “miegħu kulħadd jaf fejn qiegħed”. Din intqalgħet għaliex hemm numru ta’ deputati u ministri li jħossu li ma jafux fejn qegħdin ma’ Robert Abela.
Dak li hu żgur li kontra Joseph Muscat, Robert Abela mhux ikbar mill-Partit Laburista. Anki jekk Robert Abela, bħal ma kien Joseph Muscat, jħobb jilbes – huwa u l-familja – bi ħwejjeġ tad-ditta, ħafna Laburisti mhux qed jaraw lil Robert Abela, bħala wild il-ħaddiema. Dan kontra ta’ dak li kien jiġri fi żmien Joseph Muscat. Lilu xorta baqgħu jarawh wild il-ħaddiema.
Dan jispjega għala, f’dan ir-Rally, l-istess Robert Abela ħa ħsieb li jitkellem u jgħid li hu Soċjal Demokratiku. Infatti, hawn fejn Bernard Grech qed ikun wkoll effettiv meta jfakkru u jinkieh bil-fatt li hu mhux wild il-ħaddiema.
Imbagħad hemm id-dilemma ta’ min ser ikun l-aktar progressiv – jekk hux il-Partit Laburista jew dak Nazzjonalista. Fuq issues bħal kannabis u l-abortion, jidher li Robert Abela hu ftit konfuż. Dak li hu żgur li Robert Abela ma jridx jidher inqas progressiv minn Bernard Grech. Għalhekk ninsisti li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun ċar fejn irid joqgħod f’dik li hija ideoloġija tiegħu. Jekk imur biex ikun konservattiv ċar – u nemmen li din hija t-triq li għandu jaqbad – allura jrid jibda jagħti support, kif qed nagħmel jien, lil persuni bħal Alex Dalli li qerdu d-droga mill-ħabs. Min-naħa l-oħra jekk irid imur għal-liberaliżmu, allura hemm għandu jitkellem favur anki li l-kannabis tkun provduta fil-ħabs. L-istess diskors jgħodd għall-abort. F’din it-triq il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun gallarija għax dejjem ser ikun tellief.
Fuq kollox, mid-diskors tal-bieraħ deher ċar, kif ġie innutat f’dan is-sit li l-elezzjoni ser tmur għas-sena d-dieħla. Wieħed irid jiftakar, li missier Robert Abela, kien dejjem kontra li l-elezzjoni issir qabel żmienha. Din kienet anki waħda mir-raġunijiet għall-inkwiet li nqala’ fil-Partit Laburista fl-1998. B’hekk hemm anki interess li jintwera li verament George Abela kellu raġun fl-1998 u li kien żball li saret dik l-elezzjoni qabel żmienha. Biss l-involviment ta’ George Abela ġewwa Kastilja qed iwassal biex membri fl-istess kabinett ta’ Robert Abela, qed jgħidu li l-veru prim ministru ta’ Malta huwa missieru u jekk trid xi ħaġa, l-aħjar li tkellem lilu.