Għaliex l-għażla tal-Fosos ma kienetx waħda feliċi?

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ kellna żewġ attivitajiet magħmulin miż-żewġ partiti l-kbar fejn iż-żewġ mexxejja ndirizzaw l-akkolti tagħhom fl-okkażżjoni. Kellek lill-Partit Laburista li għamel konferenza fuq erbat ijiem u ingħalqet b’diskors tal-Mexxej tagħhom Dr Robert Abela. Mill-ewwel qalu li kien se jkollhom erba’ postijiet minn fejn jidħlu, li kienu se jospitaw 500 persuna minn kull entratura. Mela kellhom elfejn ruħ. Għalkemm nafu li t-tinda fejn kienu setgħet tinfetaħ għall-kobor li riedu, qagħdu attenti li ma jisparpaljawx wisq n-nies u poġġew is-siġġijiet bid-distanzi neċessarji, imma fl-istess ħin magħqudin bħala familja waħda jisimgħu lill-mexxej tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista, bl-iskuża li l-Fosos huwa l-post naturali tal-festeġġjamenti tal-Indipendenza, iddeċidew li jmorru f’post, fejn nafuh jilqa’ eluf kbar ta’ nies. Imma din id-darba l-Partit Nazzjonalista kien jaf li kellu limitu, imponut jew le, ta’ 700 ruħ. Meta taf li sejjer f’post fejn jesa l-eluf, b’seba’ mitt ruħ, kulħadd seta’ jimmaġina li se tkun froġa manja.

Fil-fatt hekk hu u minn ritratt li ttieħed minn fuq xi bejt viċin, wera ritratt tal-biki. Immaġinaw il-koppja li qed torganizza t-tieġ tistieden mitejn ruħ u tibbokkja s-sala t-twila taċ-ċentru tal-konferenzi l-Belt. Hekk ġralu l-Partit Nazzjonalista l-bieraħ. Kellu ftit mistednin, u anki jekk kien jaf kemm sejrin nies, xorta żamm il-booking u mar f’sala kbira bħal ma hija l-Fosos.

Bniedem avżat nofsu armat. Il-Partit Nazzjonalista kien jaf kemm se jkollu nies. Il-partit forsi hu stess għamel il-limitu. Mela missu ħabtitilhom ma’ xi kurutur ta’ moħħhom li se tkun xena mbarazzanti li tagħmel meeting hemmhekk. Mela waqt li l-Partit Laburista deher li kellu sala mimlija bin-nies, il-PN deher li kellu pjazza vojta. Min jistudja l-kommunikazzjoni, jaf li dan hu żball kardinali li għandu jkun evitat. Imma l-importanti li sar fuq il-Fosos għax hemm għandhom isiru l-festi tal-Indipendenza. Jekk l-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista jafu jaslu sa hawn, allura għandi dubji serji kemm se jkun hemm strateġija intelliġenti għall-kampanja elettorali li qed nistennew meta l-Prim Ministru jgħajjat l-elezzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *