X’ser nisimgħu l-lejla fuq il-Fosos?

Blog post minn osservatur politiku

Tgħid x’se nisimgħu l-lelja minn għand Bernard Grech minn fuq il-Fosos? Minn dak li smajna l-bieraħ waqt l-intervista tista’ tantiċipa xi ftit dak li se jkun qed jgħid il-lejla. Se nażżarda nislet dak li naħseb li se jkunu l-messaġġi ta’ Dr Bernard Grech il-lejla.

Xi ħaġa li se jsemmi Dr Grech hija l-unita’ fuq livell ta’ partit. Din bil-fors li trid tagħmel parti importanti mid-diskors tiegħu. Huwa se jkun qed jisħaq fuq din l-għaqda li hija tant importanti biex jippreżenta ruħu quddiem l-elettorat. Kulħadd jaf li l-Partit mhux għaddej minn żmien feliċi u mhux billi tbiddel il-kap. Dan ma jfissirx li għax laħaq Dr Grech kien hemm xi għaqda awtomatika, anżi fejn qabel kien hemm diviżjoni stretta, issa r-realta qed turina li fil-partit jista’ jkun hemm diversi fazzjonijiet.

Allura bil-fors Dr Grech irid jagħmel ħiltu biex jirnexxielu jgħaqqad. Huwa se jsostni wkoll li hemm bżonn ta’ kulħadd fil-partit, allura hemm bżonn li kulħadd jibda jaċċetta l-inklużjoni ta’ kull votant li forsi bħalissa jinsab xi ftit imbiegħed.

Se jagħmel enfażi fuq li hu u sħabu huma preparati biex imexxu l-pajjiż, għalkemm jaf li l-informazzjoni li qed tiġri qalb il-poplu hija differenti u l-elettorat jaf li hemm diviżżjonijiet fi ħdan il-partit u allura nuqqas ta’ preparażżjoni għat-tmexxija tal-pajjiż.

Persważ li se jipprova jispjega l-viżjoni tiegħu u tal-partit għall-futur tal-pajjiż. Hawn irid ikun eżatt fl-għażla tad-diskors tiegħu għaliex ma jistax jwiegħed xi ħaġa li ma jafx kif ikun jista’ jwettaqha. Diġa hemm nuqqas ta’ spjegazzjoni fuq kemm jiswew ħafna mill-proposti li qed jagħmel u dik tidher li hi strateġija perikuluża li diġa’ rajnieha ssir minn Simon Busuttil.

Se jisħaq kemm jiflaħ fuq l-għajta għall-għaqda u jħeġġeġ kemm jista’ sostenituri biex jidħlu u jagħtu daqqa t’għid f’dak kollu li jkun jista’ jagħmel kull persuna. Dan hemm bżonnu biex jibgħat messaġġ li l-bidla qed issir u se tibqa’ ssir. Se jipprova jikkonvinċi li Gvern Nazzjonalista jkun f’pożizzjoni li jagħmel aħjar mill-gvern preżenti fejn tidħol għajnuna lil dawk fuq paga baxxa.

Isemmi ukoll lill-penzjonanti u jwiegħedhom li se jgħinhom iżjed milli qed jgħinhom dan il-gvern. Ma għandix dubju li jwiegħed li ma hu se jneħħi jew ibiddel xejn mil-libertajiet ċivili. Anżi persważ li jipprova ibigħ antiċipazzjoni li jagħmel aħjar.

Ovvjament se jkun hemm kritika qawwija fuq id-defiċit astronomiku li għamel dan il-Gvern. Se jkun kritiku għat-tberbiq li skond hu huwa enormi. Jipprova ibigħ il-ħsieb li xorta kien jagħti l-għajnuna waqt il-pandemija imma b’mod aktar attent u bil-għaqal. Se jkun ċar fil-kritika tiegħu li Partit Nazzjonalista biss jista’ joħroġ lill-pajjiż mil-lista l-griża.

Se jkompli jsemmi l-wegħda li għamel li joħroġ lil Malta mill-greylisting fi żmien tliet xhur. Se jisħaq ukoll li Partit Nazzjonalista biss jista’ jsaħħaħ ir-reputazzjoni tal-pajjiż. Għalhekk se jafferma l-ħsieb tiegħu li jekk ma jkunx hemm bidla fil-Gvern se jkun diffiċli ħafna aktar, li Malta tnaddaf ir-reputazzjoni tagħha.

Arma oħra li se juża fid-diskors tiegħu hija l-ġlieda fuq l-ambjent. Se jkun kritiku li l-gvern warrab l-ambjent għal kollox u jwiegħed li hu jtella’ l-ambjent fuq quddiem ħalli jsalva lil Malta mill-isfreġji kbar li għamel u għadu jagħmel dan il-gvern. Persważ li se joqgħod attent fi kliemu biex ma jbiegħedx lill-iżviluppaturi mill-partit tiegħu imma għall-kuntrarju jwiegħedhom li lest jaħdem magħhom fuq il-proġetti li huma jressqu.

Il-lejla ninsab ċert li ma aħna se nisimgħu xejn dwar l-inkwiet ta’ pagamenti mat-taxxa u oħrajn, li għandu l-partit li qed imexxi. Ma aħna se nisimgħu xejn fuq id-diffikulta’ tat-tieni distrett li jrid jagħti lil Adrian Delia. Ma aħna se nisimgħu xejn fuq il-problemi li għandu ma’ diversi deputati fil-grupp parlamentari tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *