Survey ħażin ieħor fi żmien il-festi tal-indipendenza

Blog post minn osservatur politiku

Dr Bernard Grech ma jistax igerger li għandu l-partit kontra tiegħu. S’issa għadna qatt ma smajna li kien hemm xi laqgħa tal-grupp parlamentari jew tal-esekuttiv fejn sfidawh jew qalulu biex iwarrab. Mela mill-att ta’ partit, Bernard Grech għandu kollox favur tiegħu. Insomma ma tistax tkun mod ieħor meta tiftakar li numru kbir ta’ deputati għamlu ħilithom kollha biex ikun hu kap għax riedu jeħilsu mill-kap ta’ qablu.

Illum ta’ min jistaqsi lil dawn id-deputati jekk humiex kuntenti b’dak li għaddej u b’dak li qed jakkwista l-Partit Nazzjonalista? Ta’ min jistaqsihom jekk jixtiequx jigdmu minkbejhom imma ma jistgħux? Ta’ min jistaqsihom humiex qed jaraw tama wara riżultati ta’ surveys, wieħed wara l-ieħor, li qed iniżżlu lill-partit dejjem iżjed fl-abbissi?

Ta’ min jistaqsihom jekk iħossuhomx inkoraġġiti li jmorru għand il-votant meta jaraw riżultati diżastrużi bħal dak ta’ Marmara. Id-deputati qed imorru għand in-nies u għax il-partit hekk qed jitlobhom, nimmaġina li qed jippruvaw jikkonvinċu lin-nies jingħaqdu mat-talba tal-partit biex tissaħħaħ l-għajta għall-bidla.

Imma x’bidla qed joffru? X’bidla jridu jaraw f’Malta dawn id-deputati u kandidati? X’qed jgħidulhom fuq il-Partit Nazzjonalista dawn id-deputati u kandidati? Tgħid dawn id-deputati, speċjalment dawk il-blue heroes, qed jgħidulhom jekk issa għandhomx kap ta’ kulħadd. Possibbli dawn imorru quddiem in-nies u jinkoraġġixxu lill-elettorat biex jivvutaw għal Dr Grech bħala Prim Ministru, meta l-maġġoranza assoluta ta’ l-istess deputati lanqas qed ikellmuh lil dan ir-raġel u ma għandhomx fiduċja fih?

Min jaf jgħidulhomx lin-nies li jiltaqgħu magħhom li dawn ir-ribelli kienu il-perċimess il-għaliex il-Partit Nazzjonalista qiegħed fejn qiegħed illum. Min jaf jgħidulhomx lill-votanti li huma ġejjin minn partit demokratiku imma huma ma jħaddnux id-demokrazija għax meta l-kap ta’ qabel dan, tela’ b’maġġoranza demokratika huma ma aċċettawx dak il-vot.

Tgħid jgħidulu lill-elettorat li huma neħħew il-kap ta’ qabel għax emmnu sa griżmejhom il-gideb ta’ wieħed minn sħabhom u pproċedew u saħansitra marru għand il-President ta’ Malta għax emmnu dak il-gideb. Tgħid jgħidulhom lill-votanti li l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista qalgħu wieħed mill-eks-kapijiet, Simon Busuttil, meta tkellem żejjed u qal li kieku kien hu kien jirtira l-kandidatura tiegħu. Ħadd għadu ma staqsieh offiċjalment, min staqsieh għal parir tiegħu dak in-nhar?

Illum se ngħidlu dak il-parir missek blajtu u ma tkellimt xejn għax int il-promotur tal-istraġi li qiegħed fiha l-Partit Nazzjonalista. Tgħid ikomplu jgħidulu lill-votant li huma kienu abbandunaw il-festi tal-Indipendenza u dan kollu biex jiskreditaw lill-kap tagħhom Dr Delia. Tgħid meta jkunu fid-djar, tgħid jitkellmu fuq Team Start u jgħidu li huma riedu jneħħu dan il-grupp ta’ żgħażagħ, dan kollu għax din il-fergħa kien ħoloqha Adrian Delia.

Forsi meta jkunu jagħmlu l-house visits jgħidulhom lin-nies li huma abbandunaw lill-kap tagħhom fil-ġlieda tal-isptarijiet u ħallewh jiġġieled waħdu. Tgħid jgħidulhom lin-nies li l-ġlieda għar-rapport Egrant kważi għamilha waħdu wkoll Dr Delia, biss imbagħad marru jiġru jaqraw ri-rapport meta kellu l-kopja tar-rapport id-Dar Ċentrali.

Forsi jgħidulhom lill-elettorat li meta kien kap Dr Delia, kien jinkoraġġixxu lin-nies jitkellmu u jivvutaw kontra l-Partit tagħhom, biex jidher ikrah Dr Delia. Tgħid jgħidulhom li anke Michael Fenech Adami kien jivvota favur Robert Abela f’kull poll li kienet issir online.

Tgħid dawn ir-raġunijiet huma biżżejjed biex jien, bħala tesserat, nabbanduna l-festi tal-Partit Nazzjonalista għax ma għandiex fiduċja fit-tmexxija attwali.

One comment

Leave a Reply