Is-survey tal-bieraħ tat-Torċa u t-tweġiba ta’ Christian Peregin

Blog post minn osservatur politiku

Bħal ma jaf kulħadd kellna survey ieħor ta’ Dr Marmara u kif kien ġie mħabbar minn dan is-sit, il-Partit Laburista qiegħed minn fuq b’44,000 vot, fil-waqt li Robert Abela qed jgħaddi lil Bernard Grech b’65,500 vot. Wara dan is-survery, Christian Peregin ħareġ jagħtina ftit osservazzjonijiet. Skond hu saru tibdiliet żgħar ħafna fin-numri, minn Lulju sa Settembru. Dan id-differenza qiegħda dejjem fil-marġini tal-iżball. Fil-verita’, hu qabbel dan is-survey ma’ ieħor li għamel l-istess Marmara f’Lulju biss sadanittant saru numru ta’ surveys oħra li huma kredibbli u jagħtuna materjal aħjar ta’ kif wieħed janalizza dak li hu għaddej.

L-argument ta’ Peregin huwa li minħabba li dan it-tibdil jinsab f’dan il-marġini ta’ żball (margin of error) hu diffiċli tara jekk kienx hemm tibdil jew le. B’hekk mar għad-difiża u qalilna li bħalissa għaddej momentum pożittiv fil-Partit Nazzjonalista, imma għadu mhux qed jinħass hemm barra.

Biss dan is-survey, bħal kull survey ieħor li sar bejn Lulju u Settembru, qed juri kemm il-Partit Laburista għaddej minn perjodu pożittiv aktar mill-Partit Nazzjonalista. In-nuqqas ta’ riżultat għall-Partit Nazzjonalista kien spjegat bħala li dan hu partit li x-xogħol li sar fih għadu ma bediex jagħti l-frott. B’hekk ikkonkluda li l-Partit Nazzjonalista diġa’ qed iġib il-bidla u dan mill-Oppożizzjoni. Imma minn dawn is-surveys, jidher ċar li n-nies mhux qed jipperċepixxu fejn qegħda din il-bidla.

Tkellem dwar il-fatt li l-Partit Nazzjonalisti qed joħoroġ bi proposti u Bernard Grech jieħu gost jekk dawn jattwahom il-partit fil-gvern. Tana erba’ proposti li saru mill-Partit Nazzjonalista u wettaqhom jew wiegħed li se jwettaqhom il-gvern. Biss hu fatt wkoll li numru ta’ dawn il-proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista qed ikunu kkritikati anki mill-istess Nazzjonalisti. Eżempju ċar kien l-eks-Ministru Michael Falzon fejn il-bieraħ għamel kritika tal-proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista għar-reforma tal-Planning Authority.

Imbagħad sab skuża oħra u dar għan-news tat-TVM. Hu qal li nofs il-poplu Malti jara l-aħbarijiet fuq it-television tal-PBS, li skond hu ilu għaddej xagħrejn jevita li jsemmi lil Partit Nazzjonalista. Biss din hija skuża. Fit-tmenijiet ix-Xandir tal-Istat l-anqas kien isemmi lil Eddie Fenech Adami b’ismu imma l-Partit Nazzjonalista xorta rebaħ l-elezzjonijiet tal-1987. Infakkar lil Peregin li l-Partit Nazzjonalista ħoloq il-media tat-televixin tiegħu fl-1998 biex ikollu stazzjon ħalli jikkumbatti l-media tal-gvern. X’ifisser dan? Dak ifisser li dak li qed ikun tippreżentat fuq in-NET ma jiswiex karlin. Dak ifisser li tant qiegħed ħażin ix-xandir tan-NET li abbandunawh anke n-Nazzjonalisti. Mela dik mhux skuża għax kull Malti u Għawdxi jista’ jara n-NET jekk ikun irid, imma tant il-Partit Nazzjonalista waqa’ f’modjokrita li ħafna mhux qed jaraw l-anqas l-aħbarijiet tan-NET.

Xorta qal Peregin li se jkompli jħares ‘l quddiem biex ikompli iressaq il-Partit Nazzjonalista lejn in-nies. Din hija xi ħaġa tajba. Biss nixtieq infakkar li dan hu dak li xtaq jagħmel Adrian Delia. Il-perjodu qasir ta’ Adrian Delia ser jibqa’ msemmi għal dan il-fatt għax ressaq in-nies lejn il-partit jew ħa l-partit għand in-nies. Il-verita’ hija li b’dak li ġara fil-Partit Nazzjonalista u bil-mod kif aġixxit l-amministrazzjoni l-ġdida f’din l-aħħar sena, fejn infexxet tattakka lin-Nazzjonalisti ta’ Delia, aktar begħdet lill-Partit Nazzjonalista min-nies.

Imbagħad hemm ir-referenza li għamel għal Bernard Grech fejn qal li dan aċċetta li jkun intervistat minn ġurnalista tal-One. Waqt li veru li Robert Abela għadu ma aċċettax debate mal-kap tal-Oppożizzjoni, huwa veru wkoll li mexxejja oħra Nazzjonalisti, qatt ma beżgħu jaffrontaw lill-ġurnalisti. Lawrence Gonzi ma nafx kemm-il darba aċċetta li jkun intervistat minn ġurnalist tal-ONE. Simon Busuttil għamilha wkoll u Adrian Delia dejjem affaċċja l-ġurnalisti tal-ONE mingħajr ebda biża’. Jekk int impressjonat li għax Bernard Grech aċċetta li jiġi intervistat minn ġurnalist tal-ONE huwa xi kap kuraġġjuż għadek lanqas bdejt timmaġina kemm kellna kapijiet ta’ kuraġġ kbir qabel.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf isib l-iskużi u jrid jibda jara fejn qiegħed sejjer ħażin. Jirranġa fejn sejjer ħażin u jibda jaħdem u jibni mill-ġdid. Dan hu Partit Konservattiv. B’hekk dawn l-iskużi ser iħallu toma qarsa u mhux ser joħorġu, la lill-Partit Nazzjonalista u lanqas lil Dr Grech, mill-abbissi li jinsab fihom.

One comment

Leave a Reply