B’kaskata ta’ proposti elettorali mfajra bl-addoċċ, il-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jirbaħ elezzjoni
Kummentarju mit-Tabib Hermann Farrugia, Speċjalista tal-Endokrinoloġija u Mediċina tar-Riproduzzjoni.
Matul il-ġimgħat li għaddew u saħansitra sa’ dalgħodu stess, għandna lill-Partit Nazzjonalista jorganizza konferenzi stampa u sessjonijiet Q&A Indipendenza’21 ipprogrammati b’ċertu orkestrazzjoni retta u assidwa u li fihom qed jiġu mħabbra b’ċertu rittmu iddettaljat uħud mill-proposti l-aktar elettoralment elokwenti tiegħu.
Kellna editorjal tal-Malta Independent li tkellem b’mod pożittiv dwar dawn il-proposti li jiena nikkunsidrahom proġetti ta’ reviżjoni ta’ Public Policy sostanzjali daqs kemm huma soċjetalment kritiċi u avangwardisti.
Biss huwa fatt ripetut u ta’ tendenza eżistenzjali (u għalhekk żgur mhux speċi ta’ ritratt instantanju kif id-diriġenza PN tibqa’ tipprova tpitter u anke tiġġustifika) li mis-surveys xijentifiċi li konstantement ħerġin, jidher li l-messaġġ politiku tal-partit għadu mhux qed jasal fejn għandu jasal. Forsi wieħed jgħid li meta sar dan l-aħħar survey tal-bieraħ ippubblikat mit-Torċa, dawn is-sensiela ta’ proposti kienu għadhom ma xxandrux. Fil-verita’, il-problema tinsab fil-fatt li anke jekk il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel proposti siewja, jidher li dawn qed jitfaħhom bl-addoċċ.
Fi kliem ieħor dawn huma proposti imfajra bl-addoċċ ta’ fejn laqat laqat u ta’ fejn ħabat ħabat! B’hekk ġimgħa ta’ ħidma orkestrata tajjeb tispiċċa ma tkun ta’ fejda propagandistika xejn. Lil min qiegħed jitħallas l-eluf fil-ġimgħa sabiex jipprogramma u jikkoordina l-inizjattivi, inħeġġu sabiex min qed jagħmel dawn il-prosposti jibda’ jagħti indikazzjoni ġustifikata tal-iskrutinju ta’ fiżabilita’ kif ukoll tal-costings għal kull miżura jew wiegħda li jkun qed iħabbar pubblikament inklużi dawk tas-saħħa / trattament irfinut tal-mard tal-kanćer.
Imbagħad hemm il-fatt, kif spjegat fil-media minn eks-esponenti imħarrġa tal-partit stess, li ċertu ideat, bħal tal-ODZ/Planning, anke jekk f’lokhom, riedu aktar xogħol preparattiv strutturat fuqhom qabel ma jiġu ppreżentati lill-pubbliku. Fi kliem ieħor kellu jsir aktar studju xijentifiku, loġistiku u prammatiku qabel ma jkunu ppreżentati għaliex, kif qed jiġri, jkun faċli li dawn il-proposti jiġu mgiddba u mtertqa.
Dan iseħħ. Biss jekk il-partijiet kollha tat-template tal-proposti innovattivi tal-Policy Clusters jiġu identifikati, strutturalment, studjati u elenkati kif jixtieqhom u dejjem kienet l-intenzjoni ċara tal-ħabib tiegħi Claudio Grech li kien hu li kkonċepixxa u ifformalizza dan il- metodu demokratiku ta’ progett elettorali tal-P.N. (Ara eżempju ċar aktar ‘l isfel).
B’xorti ħażina tfaććaw ukoll il-proposti dwar is-saħħa sesswali u dik tar-riproduzzjoni fil-mara, li fihom ma ġie aċċentwat xejn l-aspett kritiku ta’ nuqqas demografiku ta’ fertilita’ (statistika ta’ numru ta’ wild fin-nisa Maltin ta’ eta’ riproduttiva) – u anke li jirrigwarda l-pożizzjoni statutarja tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħarsien tal-ħajja mill-ewwel mument krućjali tat-tnissil u għalhekk tad-determinazzjoni ġenetika u sesswali li jesiġi u jimponi L-istatut il-ġdid tal-partit (Ġunju 2020). Forsi il-Partit Nazzjonalista qiegħed jibża li minħabba f’hekk il-media ultra-liberali ma tibqax tagħtih l-appoġġ mixtieq jew anke mistenni.
Mis-surveys li ħerġin, anki jekk il-media bl-Ingliż qed iddur mal-Partit Nazzjonalista, dan mhux qed jirrifletti mal-indaġni tal-elettorat in ġenerali. Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf jispira ruħu minn proposti li qed jagħmlu s-soċjalisti fi Franza. Tagħna hu partit konservattiv u l-ispirazzjoni tiegħu trid tkun minn politika konservattiva. Dan qed ngħidu sabiex gradatament tiġi ġġenerata dik il-kredibbilita’ politika meħtieġa u li hija indispensabbli lejlet elezzjoni ġenerali.
Fuq kollox, ma tibqax tingħata l-impressjoni li din il-kaskata ta’ proposti mill-gruppi tal-Public-Policy Clusters hija waħda amatorjali. Fi kliem ieħor, nerġa’ ngħid il-kliem li għidt fuq – il-Partit qiegħed jixpruna proposti mfajra bl-addoċċ ta’ fejn laqat laqat u ħabat ħabat! J’Alla jasal il-waqt opportun li l-mistoqsijiet spontanji u mhux miftiehma qabel jitħallew isiru mill-kunsilliera/delegati u mhux biss jiġu ‘handpicked’ mill-media jew xi tużżana kollaboraturi magħżula apposta minn qabel!
B’kaskata ta’ proposti elettorali mfajra bl-addoċċ, il-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jirbah elezzjoni fiċ-ċirkustanzi ta’ nuqqas ta’ kredibilita’ ‘popolari’ li ilu stagħnat fiha…u sewwasew anke ‘l fuq minn kważi deċennju u nofs.


Hadd mhu se jemmen lil PN prova ta 25 senahi bizzejed..