X’ser jagħmel il-Partit Nazzjonalista wara survey ieħor disastruż?
Blog post minn osservatur politiku
Kif ħabbar il-bieraħ f’dan is-sit, Dr Marmara reġa’ kellimna bl-istudju tan-numri. Jekk hawn surveys li kulħadd jgħid li rridu noqogħdu fuqhom huma ta’ dan il-lettur. Issa nispera li ma jkunx hemm xi galantom u jgħid li s-surveys huma mbabsin wara li ilna snin nemmnu dak li jgħidilna Dr Marmara. In-numri qed juru ħaġa waħda li l-Partit Nazzjonalista u speċjalment Dr Bernard Grech ma jistgħux jaqbdu art.
Issa li huwa ċar li l-uniku avvanz li għamel Dr Grech kien fil-bidu sa meta l-poplu sar jaf x’joffri. Issa x’se jagħmel il-Partit Nazzjonalista? Issa li donnu ma hemmx tama għall-Partit Nazzjonalista x’se tagħmel l-amministrazzjoni? Meta qed naraw li Dr Grech aktar nieżel l-isfel, aktar ma qed tersaq l-elezzjoni, x’se jiddeċiedi li jagħmel l-esekuttiv tal-Partit? Issa li mhux qed iberraq biss, imma qed iriegħed, x’se jagħmel il-grupp parlamentari?
Għadni niftakar tajjeb ħafna, dawk il-laqgħat tal-grupp parlamentari u tal-esekuttiv fejn ħafna milli jattendu kienu jwerżqu biex jgħidu li jekk jibqgħu hekk, kienet ġejja telfa oħra kbira. Għadni niftakar qiesu l-bieraħ kemm kienu jgħajtu ċertu membri parlamentari kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ Brussel, ‘barra, barra’ u din ir-raġuni kienet tkun li n-numri qed juru tkaxkira. Għadni nisma’ f’widnejja l-kliem minn deputat karkariż jgħid dan kollu minħabba li għandna ‘an elephant in the room’. Nistaqsi, għadu jarah l-iljunfant fil-kamra tal-esekuttiv id-Dottore?
Qed nistenna li naqra li ġie mgħajjat eżekuttiv urġenti biex jiġu diskussi n-numri, bħal ma kien isir kull darba li joħroġ survey fi żmien kap ieħor. Qed nistenna li jingħajjat grupp parlamentari u jitkellmu, nispera b’mod ċivili din id-darba, fuq it-tkaxkira antiċipata. Nittama li jitlaqqa’ kull fora fil-Partit Nazzjonalista, speċjalment taż-żgħażagħ biex jixprunaw bidla li tant tinħtieġ. Li kien tajjeb għal wieħed għandu jkun tajjeb għall-ieħor, la n-numri huma dawk li huma u qed juru sitwazzjoni ħażina ħafna jekk mhux agħar minn qabel.
Nispera li s-segretarju ġenerali qed jirrifletti fuq it-telfa li se jkollna fl-elezzjoni li ġejja u jipprova janalizza tort ta’ min se tkun it-telfa, bħal ma kien jagħmel ta’ qablu. Nistennew u naraw. Imma wasal il-waqt li jekk ma jsir xejn min-naħa tal-parlamentari u tal-membri tal-esekuttiv, forsi din id-darba jkunu t-tesserati li għadhom iħobbu lill-Partit Nazzjonalista biex jinġabru u jagħmlu xi ħaġa.
Qed jitolbuna biex ningħaqdu għall-bidla. Naħseb li jkun ferm aħjar jekk tassew ningħaqdu, imma biex nagħmlu bidla nterna l-ewwel u wara naħsbu għal bidla nazzjonali.
L-uniku parir li intijhom lil PN ahsbuha sewwa ahdmu ghal gied ta Malta u il Maltin nehhu specjalment li Tradituri li tfajtu fi Brussels u hemm tibdu gejjien il quddiem bhal ma ghamel il PL.