Kliem li jweġġa’ għandu jkun evitat fid-diskors politiċi

Blog post minn osservatur politiku

Fi ftit ġimgħat oħra Malta u Għawdex jiġu msejħa biex jagħmlu dmirhom u jattendu fil-postijiet tal-votazzjoni biex jeleġġu lil min iridu li jkun fit-tmun tal-pajjiż għall-ħames snin ta’ wara. Dan huwa l-iktar pass demokratiku, li tagħti s-saħħa lill-poplu biex jeleġġi jew jagħmel għażla bejn min jippreżenta ruħu.

Imma l-proċess demokratiku ma jistgħax ikun li jieqaf hemm. F’demokrazija l-poplu għandu jkollu sehem f’dak kollu li jiġri fil-pajjiż u f’dak kollu li jolqtu fil-ħajja ta’ kuljum. Il-poplu jagħmel għażla wkoll ta’ dawk il-politiċi li, fl-opinjoni tiegħu, jagħtuh serħan il-moħħ, jiggarantulu li joffru ġejjieni aħjar u lil min jaspirah għas-sewwa.

Jiena, per eżempju, lest li nivvota, lil dak jew din, li jserħuli rasi li qed jipprattikaw jew jaħdmu għal għaqda nazzjonali u mhux nibqgħu ngħixu f’atmosfera ta’ diviżjoni fuq kull ħaġa li tasal għad-diskussjoni. Min miż-żewġ partiti kbar u l-kandidati li se jidhru f’isimhom, qed jispirali dik il-fiduċja?

Fuq naħa għandna l-Partit Laburista li qiegħed fil-gvern li qed iwettaq ħafna minn dak li wiegħed, biss xorta għadu lura biex jikkonvinċini li qed jagħmel minn kollox biex jgħaqqad u jnaqqas id-diviżjoni. Fuq in-naħa l-oħra, għandna l-Partit Nazzjonalista li għad għandu problemi kbar interni u allura ma tantx jista’ jispira għaqda nazzjonali. Fuq dan l-aspett kulħadd irid jifli l-kummenti u l-paroli li jgħidu l-politiċi. Ġeneralment, dak li jkunu lissnu jkunu l-opinjonijiet li jemmnu fihom.

B’hekk huwa importanti li mexxej jevita, meta jkun qed jagħti intervisti u jirreferi għas-sostenituri tal-partit oppost milli jsejħilhom nies kriminali u qattiela. Dan huwa diskors li ma ngħidu fuq ħadd u iktar u iktar fuq avversarji politiċi tiegħi. Dan huwa diskors li jqanqal disrispett enormi, speċjalment meta tiftakar li hawn qed nitkellmu fuq il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi. B’dan il-mod ma ġġibx voti lejn il-Partit Nazzjonalista. Togħġob lil tar-Repubblika u xejn aktar.

Dr Grech kompla jgħid li l-Partit Laburista huwa partit tal-kriminali li jużaw il-liġi biex joqtlu lin-nies. Jekk mhux paroli żejjed dan, ma nafx x’ikun. Dan hu kliem li ma jispirax fiduċja u żgur mhux ser jaħdem favur l-għaqda nazzjonali jew ser iġib voti lill-Partit Nazzjonalista. Kliem bħal dan inaffar u jbiegħed lin-nies.

F’kampanja elettorali, kwalunkwe aġġettiv użat fuq l-avversarji politiċi huwa aġġettiv li jeħel ma’ min jgħidu. Kull aġġettiv negattiv jirrifletti l-ħsieb ta’ kull kandidat jew partit. Ma jistax xi ħadd jaħseb li għax tgħajjar lill-avversarju tiegħek tkun qed tiġbed xi ammirazzjoni minn xi ħadd. Waħda mill-affarijiet li nistenna mill-politiċi hija li jitkellmu l-verita’.

Leave a Reply