Joe Ellis u l-battuta tiegħu kontra l-imħallef Griscti

Dr. Joe Ellis, deputat f’isem il-Partit Nazzjonalista, jiddeċiedi li għandu jtella’ kumment fuq Facebook biex jaqbeż għal sieħbu fil-parlament Jason Azzopardi. Il-problema hawnhekk mhux il-kumment fih in-nifsu, għaliex bħala ċittadin għandu kull dritt jagħmlu imma l-fatt li llum Joe Ellis huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-ġustizzja.

Fil-kumment tiegħu Dr Joe Ellis wera solidarjeta ma’ Dr Jason Azzopardi wara dak li ddeċidiet li tagħmel il-Kamra tal-Avukati. Din il-Kamra ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għal kummenti li għadda Jason Azzopardi fuq l-Imħallef Griscti.

Allura meta ħareġ għonqu biex juri solidarjeta ma’ Dr Azzopardi, hu għaqqad ukoll il-Partit Nazzjonalista bil-kummenti li huwa tella’. Għandna nistaqsu lil Dr Joe Ellis jekk ħax il-permess tal-Partit Nazzjonalista qabel kiteb dan il-kumment fuq il-Facebook page tiegħu u jekk dan jirriflettix il-ħsieb tal-Partit Nazzjonalista? Infakkar li meta Anglu Farrugia kien għadda kumment dwar ġudikant, l-Gvern kien għamel plejtu u dan kien wassal biex tneħħa minn viċi-kap tal-Partit Laburista.

Fil-ftuħ tal-kitba tiegħu, Joe Ellis ammetta li dam jaħsibha jekk għandux jikkummenta dwar din l-aħbar. Imma mbagħad iddeċieda fil-pożittiv . Dr Ellis ħareġ kontra dak li kiteb il-President tal-Kamra tal-Avukati, Dr Louis de Gabriele. Anżi qal li din il-mossa ta’ dan il-President ħallietu perpless għax ma jidhirlux li l-Kamra tal-Avukati kellha tintervjeni f’materja bħal din. Dr. Ellis jemmen li l-Kamra tal-Avukati primarjament għandha d-dmir li tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha.

Donnu jrid jgħid li anke meta l-Kamra tħoss li xi ħadd żbalja għandha xorta tiddefendi lill-membru tagħha. Mela skont il-kelliem tal-ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista, Joe Ellis irid li din il-kamra taħdem bħala union tal-avukati. Fil-verita’, illum il-kamra tal-avukati aktar taħdem ta’ regoltatur u mhux ta’ union, tant li jekk xi ħadd, inkluż mill-pubbliku jkolli xi ilment kontra xi avukat, dan jikteb lilha! Hawn kellna persuna li hu avukat – għaliex biex tkun imħallef trid tkun avukat u kiteb lilha. Mela fejna l-anomalija f’dan il-każ?

Dr. Ellis jemmen li setgħu kienu terżi li resqu l-intervent quddiem il-kummissjoni jekk ħassew li kien hemm ksur ta’ etika da parti ta’ xi avukat, u mhux tressaqha l-Kamra tal-Avukati. Dr Ellis xtaq ifakkar li dan l-ilment se jersaq quddiem il-Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali fi ħdan il-Kummissjoni.

F’dan il-Kumitat hemm tliet membri appuntati mill-istess Kamra tal-Avukati. Huwa staqsa, x’ser jagħmlu issa dawn it-tliet membri quddiem dan l-ilment? Hawn nixtieq nistaqsi jiġifieri dawn it-tliet membri mhux awtonomi u allura, peress li skont Ellis il-kamra trid tiddefendi lill-avukati minn ilmenti tan-nies, dawn iridu jivvutaw favur l-avukati? Jekk dan hu l-argument li qed iġib, mela l-Kamra tal-Avukati jrid jinbidlilha r-rowl li għandha llum.

Dr Ellis għalaq il-post tiegħu b’battuta kontra l-istess Imħallef Griscti meta qal li jekk ġudikant jitlef is-serenita’ minħabba xi post jew allegazzjoni m’huwiex denju li jżomm postu fuq il-bank tal-ġudikatura.

Nista’ nistaqsi fejn hija din l-allegazzjoni li mhix denja mill-imħallef Griscti? Dan kien post minn avukat li qed jidher quddiem, maħsub biss ikun imżebblagħ imħallef. Dr Ellis jaf tajjeb li Jason Azzopardi kellu fora oħra fl-istess qorti fejn seta’ jagħmel ilment tiegħu bħala avukat tal-parte ċivili. II-verita’ hija li llum hemm membri tal-ġudikatura li qed jibżgħu jieħdu deċiżjonijiet xierqa minħabba l-media. Dan hu l-istat tal-biki li qegħdin fih illum.

Mela li mħallef, ħafna snin ilu jixtri xi ħaġa mingħand familja ta’ xi ħadd, dan ma jistax jagħtih id-dritt li jagħmel ġudizzju fuq xi membru tal-familja ta’ dan ix-xi ħadd li xtara mingħandu. Mela bl-istess argument ta’ Ellis, jista’ jispjega kif eks-prim imħallef, Said Pullicino seta’ għamel rapport ta’ inkjesta seren meta hu jgħix fl-istess blokka fejn toqgħod oħt Daphne Caruana Galizia? Jista’ jispjega kif l-imħallfa Lofaro setgħet għamlet rapport ta’ inkjesta seren meta r-raġel tagħha daħal f’negozju ma’ Yogen Fenech? Jista’ jispjega kif l-imħallef Mallia seta’ jagħmel rapport seren meta hu responsabbli mill-computer ta’ Daphne u dan l-materjal ta’ dan l-istess computer inqered fuq ordni tal-istess familja Caruana Galizia? Jista jispjega kif Rachel Montebello qatt setgħet tagħmel ġudizzji sereni fil-każ ta’ Yorgen Fenech meta li l-partner tagħha ħa xogħol mingħand Jason Azzopardi? Infakkar li biex Rachel Montebello setgħet toqgħod fuq il-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech kellha l-ewwel tkun aċċettata mill-familja Caruana Galizia.

Leave a Reply