Il-konsegwenzi politiċi tal-ilment kriminali li ressaq l-imħallef Griscti kontra Jason Azzopardi

Blog post minn osservatur politiku

Jason Azzopardi qalilna biex inħalluh iħabbat wara li ħareġ fil-media li sar ilment kriminali kontra tiegħu mill-imħallef Giovanni Griscti. Aħna hekk se nagħmlu imma se nieħdu nota ta’ dak kollu li jkun għaddej fil-pajjiż, imma xorta nħalluh iħabbat. Dan l-ilment jagħmel referenza għall-kummenti li ppubblika fuq Facebook Jason Azzopardi f’dik il-ġurnata li l-istess imħallef kellu jiddeċiedi dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest li għamel Yorgen Fenech.

Dak in-nhar Dr Azzopardi kien kiteb li l-Imħallef Griscti kien xtara dgħajsa mingħand missier Yorgen Fenech, George, fl-2008. Dan huwa għamlu meta kien maġistrat. Ta’ min jinnota li għalkemm l-Imħallef Griscti ressaq dan l-ilment, la l-Kummissarju tal-Pulizija u lanqas l-Avukat Ġenerali ma qalu li hemm xi element kriminali fil-kliem li ntuża.

Ta’ min ifakkar ukoll li meta kienu ntqalu dawn il-kliem minn Jason Azzopardi, l-avukati difensuri ta’ Yorgen Fenech kienu kitbu lill-Prim Imħallef fejn esprimew li l-kummenti ta’ Azzopardi kienu jirriflettu ‘intimidazzjoni sistematika tal-ġudikatura’.

Niftakru wkoll li anke l-Kamra tal-Avukati kienet kitbet lill-Kummissjoni għall-Amminstrazzjoni tal-Ġustizzja biex taqra l-kummenti ta’ Azzopardi u tinvestiga l-kuntest tagħhom.

X’se jsir fuq livell legali ma jinteressani xejn u nħalli l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha. Imma mill-att politiku bil-fors ikollok tikkummenta. Jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista jaffordja dawn l-affarijiet isiru u ma jitkellem xejn? Jiġifieri meta jkollok deputat, li hu wkoll avukat f’kawża u jlissen ċertu kummenti li fihom infushom ma fihom xejn, bħalma hi ħallih iħabbat, imma meta tieħdu f’kontenut differenti jista’ jħammar l-uċuh, jiġifieri dan qiesu ma qal xejn? Jista’ l-Partit Nazzjonalista jħalli wieħed mid-deputati tiegħu jgħaddi kummenti li waslu għall-ilment kriminali minn imħallef u jibqa’ ma jagħmel xejn?

Mill-att politiku dawn huma sitwazzjonijiet imbarazzanti. Jekk għal Azzopardi dawn qishom xejn mhu xejn, dik affari tiegħu. Imma meta tiftakar li dan huwa deputat li qed jippreżenta mijiet ta’ kostitwenti u qed idur biex jerġa jitlob il-fiduċja, ma naħsibx li huma affarijiet li tista’ tħallihom għaddejjin qisu xejn mhu xejn.

Bħala Nazzjonalist jien irrid inkun rappreżentant fil-parlament minn deputati serji u integri u mhux min xi ħadd li jgħidlek ‘ħallih iħabbat’. Dan huwa r-rispett li qed juri dan id-deputat lill-votanti tiegħu? Dan huwa r-rispett li qed juri dan il-bniedem li qed iżur id-djar u jidħol għand in-nies biex jikkonvinċihom jivvutawlu, f’isem il-Partit Nazzjonalista?

One thought on “Il-konsegwenzi politiċi tal-ilment kriminali li ressaq l-imħallef Griscti kontra Jason Azzopardi

  1. Jien naf kemm il PN kien jixtri Voti jien naf nies li ivvutaw tliet darbiet jien naf nies li gew jiftahru li kienu jmorru ghand ministru tal PN bl-investi mimlijien liri mit Trasport Malta jien naf ftit fuq il PN imma naf min jaf hafna u jibza.

Leave a Reply

Your email address will not be published.