Il-kandidati Nazzjonalisti tad-disa’ distrett: eżattament x’inhu jiġri?

Blog post minn osservatur politiku

Il-Malta Today qaltilna li bħalissa hemm waqfien mill-ġlied fuq id-disa’ distrett minħabba li Robert Arrigo qiegħed l-isptar. Insellem minn qalbi lil Mr Arrigo u nawguralu fejqan ta’ malajr u ngħidlu li qed nerġgħu nistennewk biex terġa tkun fuq il-karta tal-vot fuq id-disa’ distrett. Jiena li ngħix f’dan id-distrett ma jien nara ebda ġlied imma kampanja li qed tintgħamel b’determinazzjoni minn kull min bi ħsiebi jkun fuq il-karta tal-vot.

Dak ma jfissirx li hemm xi ġlied. Nafu li fuq dan id-distrett jitilgħu tliet kandidati u nafu wkoll li din id-darba hemm in-nuqqas ta’ Marthese Portelli li fl-2017 kienet ġabet 1,468 vot. Jidher li se jkun hemm diversi kandidati li mhux se jitfgħu jsimhom fit-tellieqa. Hemm dubju wkoll fuq Ivan Bartolo li donnu qed jitbiegħed ftit ftit mill-politika.

Biss dan id-distrett qed jirrikkixxi ruħu b’żieda ta’ żewġ kandidati ġodda, wieħed deputat stabbilit, Jason Azzopardi, u l-ieħor kandidat ġdid imma rinomat fil-karriera tiegħu, Joe Giglio.

Bil-fors ikollna ngħidu li Jason Azzopardi ma kienx mistenni li joħroġ fuq dan id-distrett meta dan dejjem ikkontesta fuq ir-raba’ distrett fejn kien joqgħod. Imma donnu din id-darba qed jaqta’ qalbu mir-raba’ distrett u resaq lejn distrett fejn huwa kkonsidrat li hemm ħafna iżjed sostenituri ta’ Daphne Caruana Galizia u hekk, bħala avukat tal-familja, se jipprova jistgħad għal dawk il-voti.

Imma hemm diversi nies li huma disgustati għal mod kif qed jitkellem politkament, l-aħħar eżempju jkun in-nuqqas tal-preżenza tiegħu meta kienet għaddejja Q&A ġewwa Raħal Ġdid fejn ipprefera jmur jara logħba futbol. Mhux talli hekk talli tella’ post fuq facebook jgħid, ‘ħallih iħabbat Lily’. Ma nafx kif ma tħossokx iddispjaċut jekk tkun xi sostenitur tiegħu dan ir-raġel meta qed jgħidlek li l-Liverpool jiġu qabel il-kostitwenti.

Għal kuntrarju Dr Joe Giglio daħal fix-xena bi skop wieħed, dak li jgħin lill-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun forża prinċipali fil-politika Maltija. Minn dak li qed nisimgħu fil-lokalita’ fejn ngħix, kulħadd kelma waħda li meta jiltaqa’ man-nies jgħaddi messaġġi pożittivi ħafna u jħares lejn kull votant bir-rispett kbir li kull wieħed jixraqlu. Skond id-diskors ta’ fuq il-bankijiet, Dr Giglio meqjuż bħala bniedem mingħajr preżunsjonijiet u ta’ man-nies ħafna.

Ma naqbilx mal-Malta Today li ssemmi ġlied u waqfien mill-ġlied fid-disa’ distrett. Il-kandidati jafu li hemm bżonn ta’ ħafna xogħol fuq id-distrett. Jafu li hemm bżonn ta’ determinazzjoni kbira. Hemm bżonn ta’ ħafna house visits u diskussjoni mal-poplu. Hemm bżonn li jkun hemm viċinanza totali. Imma ma hemm ebda anomiżita. Hemm ħerqa u ħeġġa li kollha jiġġieldu għal kull vot possibbli.

Aħna tad-distrett hekk nieħdu pjaċir li naraw lill-kandidati viċin tagħna u jitkellmu magħna. Lanqas inkwiet mas-sostenituri diversi li għandu kull kandidat ma jidher li hemm. Jinħass ċaqlieq ta’ sostenituri minn kandidat għal ieħor, xi ħaġa li tistennieha minħabba li hemm żewġ kandidati godda u b’saħħithom. Imma l-uniċi mistoqsijiet li qed isiru jirrigwardjaw lil Jason Azzopardi għax l-għajdut man-nies qiegħed, x’għandu x’jaqsam mad-disa’ distrett dan ir-raġel? Minn Rahal Gdid, qed joqgħod Tas-Sliema, allura kif daħal fid-disa’ distrett?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *