X’qal Robert Musumeci u Christian Peregin fuq il-proposta tal-Partit Nazzjonalista fuq żvilupp ta’ art agrikola

Blog post minn osservatur politiku

Qrajna elenku ta’ mistoqsijiet minn Dr Robert Musumeci, lecturer fil-liġi tal-Ippjanar, fuq il-proposta ta’ Dr Bernard Grech dwar l-iżvilupp f’żoni barra mill-iżvilupp. Il-mistoqsijiet qed jintgħamlu biex dan il-lettur ikun jista’ jifhem aħjar fejn se twassal il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li tidher nieqsa ħafna mid-dettal.

Musumeci għamel dawn il-mostoqsijiet bħala eżerċizju akkademiku biex jifhem ir-ramifikazzjionijiet legali u loġistiċi. Huwa staqsa dan li ġej: Din il-proposta tapplika għal kull żvilupp, inkluż ġwiebi, kmamar tal-bdiewa, greenhouses, introduzzjoni ta’ passaġġi rurali, ħitan tas-sejjiegħ, bini ta’ farm jew stalel, alterazzjoni ġo dar, u rijabilitazzjoni ta’ farmhouses?

Dan ifisser li l-perit jissottometti l-applikazzjoni lill-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-pjanti jgħaddu għand l-ispeaker tal-Parlament flok il-bord tal-planning? Il-periti u l-avukati li jassistu l-klijent se jkollhom ċans jagħmlu l-każ tagħhom quddiem il-Parlament? X’se jkunu l-kriterji li jiddeterminaw il-vot jew kulħadd jiddeċidi skond il-kuxjenza? Min mill-membri tal-parlament ikun ġja esprima ruħu ser ikun jista’ jivvota?

Ser tadottaw l-open to persuasion principle? Se jkun hemm appell? Jekk iva, quddiem min? U l-appell se jkun biss fuq point of law u allura se tikkonfinaw għal judicial review? Kif jirrafigura dan kollu meta l-Venice Commission saħqet tant dwar is-separazzjoni tal-poter u hawn għandek il-leġislattiv f’daqqa waħda jarroga poteri eżekuttivi?

Peress li dawn il-mistoqsijiet Dr Musumeci għamilhom ukoll lil Chris Peregin, se nagħmlu referenza għar-risposta tiegħu wkoll. Peregin qal xi ħaġa hekk: peress li f’Malta bnejna ħafna, anżi żżejjed, irridu niġġieldu biex nipproteġi l-ftit li fadal. Dak ifisser li nixtru lura art, li tkun tista’ tingħata lura lill-komunitajiet bħalha żoni ħodor. Imma tfisser ukoll li tiġi mogħtija aktar protezzjoni lil spazji li huma barra miz-zoni tal-iżvilupp.

Il-Partit irid jaqta’ qalb gvernijet fil-futur li jieħdu biċċiet ta’ art barra miż-żoni tal-iżvilupp għal proġetti nazzjonali bħalma prova jagħmel Joseph Muscat ma’ Sadeen bl-Universita f’Żonqor. F’każijiet bħal dawn, il-Partit Nazzjonalista jrid jiskoraġġixxihom billi jisforza l-Gvern iġib maġġoranza ta’ żewġ terżi fil-parlament, li tkun tfisser li anke l-Oppożizzjoni jkollha taqbel ma’ dan il-bżonn straordinarju biex tittieħed art barra miż-żoni tal-iżvilupp.

Ovvjament dan ma jistax isir għad-detriment ta’ rikjesti ġenwini ta’ żviluppar ta’ toroq, reservoirs, ħitan tas-sejjiegħ u infrastruttura agrikola. Għalhekk regolamenti ġodda iridu jidħlu fil-liġijiet biex jikklassifikaw l-applikazzjonijiet ta’ żvilupp differenti, bħalma ilha tissuġġerixxi l-Kamra tal-Periti.

Fl-aħħar tal-kummenti tiegħu Peregin qal lil Musumeci li jekk għandu xi ideat aħjar kif jista’ jipproteġi l-art mhux mibnija, jista’ jixtieq jidħol fil-website www.kunilbidla.com u jħalli s-suġġerimenti tiegħu hemmhekk.

Huwa ovvju li meta xandar din il-porposta Dr Bernard Grech ma kienx mitmugħ dawn id-dettalji kollha. Dawn tfaċċaw wara li din il-proposta bdiet taqla’ ċertu kritika. Allura jekk ikun se jagħmel xi proposta l-Partit Nazzjonalista, ma jistax jieħu pariri minn għand esperti fil-qasam, qabel jaqbad iparla u jispara.

Ara kemm fetħulu għajnejh lill-Partit Nazzjonalista dawk il-mistoqsijiet magħmula minn espert fil-qasam, bħal ma hu Dr Robert Musumeci. Kemm kienet tkun aħjar kieku din l-ispjegazzjoni, tajba jew ħażina, kienet għand Dr Bernard Grech u kien jispjegha mill-ewwel. Issa tidher li l-ħassieba tal-Partit Nazzjonalista kellhom imorru lura fuq id-drawing board, jgħaġnu iktar il-ħsieb tagħhom u jsibu raġunijiet ħafna iktar validi biex jiddefendu din il-proposta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *