L-Oppożizzjoni għandha tkun tarka kontra l-logħba kerha li qed jilgħab Chris Fearne
Dr Chris Fearne ħabbar li l-kwarantina f’lukanda magħżula mill-Gvern ser tispiċċa għal dawk il-Maltin jew residenti f’Malta, li jkunu ġejjin prattikament minn postijiet barra mill-Ewropa, bil-kondizzjoni li jkunu mlaqqmin biż-żewġ dożi. Hawnhekk il-Ministru qed jirreferi għal dawk il-Maltin li jkunu qed jirritornaw minn pajjiżi fil-lista l-ħamra skura. Sa dawn il-ġranet, kien neċessarju għalihom li jqattgħu erbatax-il ġurnata kwarantina f’lukanda, u li talli joqogħdu hemm iridu jħallsu.
Dawn kienu regolamenti magħmula mil-Gvern għall-informazzjoni ta’ kulħadd. Jiġifieri kull min kien qed isiefer, u jmur f’xi pajjiż fil-lista l-ħamra skura, kien jaf li meta jiġi lura kien ikkundizzjonat b’erbatax-il ġurnata kwarantina f’lukanda. Mela kull min siefer f’dawn il-pajjiżi kellu nformazzjoni u regoli ċari, jiġifieri kull min siefer f’dawn il-pajjiżi kien qed jagħmel hekk b’għajnejh miftuħa. Mela kull min mar kien jaf min qabel li kien ser ikollu joqgħod kwarantina.
X’ġara. Din id-deċiżjoni kellha tinbidel wara kontroversja li nqalgħet għaliex in-nies stess indunaw li dan ir-regolament ma kienx razzjonali. Mela huwa tajjeb li issa dan ir-regolament ġie mibdul u l-kwarantina rikjesta tista’ ssir fid-djar skond ir-regoli ndikati mil-awtoritajiet speċjalizzati. Biss dan juri, li ċertu regoli li ġew introdotti ma humiex tajbin.
Il-Partit Nazzjonalista kkontenda dan ir-regolament tal-gvern u għamel sew. Il-gvern ammetta li żbalja u li kien qed iżomm Maltin u residenti f’Malta ġo lukanda, u jħallsu. La ammetta li żbalja l-Partit Nazzjonalista għandu raġun jgħid li l-gvern irid jirrifondi l-flus imħallsa lura.
Biss il-Partit Nazzjonalista jrid iżid l-oppożizzjoni tiegħu lejn dawn il-miżuri li qed idaħħal dan il-Gvern. Ġa kien għamel żball meta kien qed jagħmel pressjoni fuq il-gvern biex jgħid lil Fearne li l-miżuri li kien qed jieħu l-gvern ma kienux biżżejjed. Illum qed joħroġ ċar li numru ta’ miżuri li ħa l-gvern u s-sopraintendenza tas-saħħa ma kienu tajbin xejn.
Fuq kollox, numru ta’ nies inżammu f’lukanda għaliex il-miżuri li ħa l-gvern ma humiex tajbin. Inżammu bl-iskuża li dan kien qed issir għal ġid tagħhom u ta’ madwarhom. Illum nafu li din hija ħażina.
B’hekk naqbel mal-Partit Nazzjonalista li l-Gvern għandu jirrifondi l-ħlasijiet li tħallsu. Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li dawn intbagħtu fil-lukanda inġustament.
Nispera li l-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar miżuri oxxeni oħra li qed jipproponi l-gvern fejn issa jrid jiddiskrimina bejn restaurant u ieħor. Ma jafx il-gvern li dawn il-miżuri huma perikolużi għaliex hemm membri fil-familja li ma ħadux it-titqiba, inkluż it-tfal? X’irid Fearne li jġiegħel it-tfal jieħdu titqiba esperimentali li sallum għadu ħadd ma jaf eżatt il-konsegwenzi tagħha fuq il-medda tas-snin?
Is-sidien tar-restaurants ma għandhomx jidħlu f’din il-logħba perikoluża li qed jilgħab Fearne u l-gvern tiegħu. Kieku l-Oppożizzjoni tkun aktar soda fuq dan il-punt, voti għandha x’tieħu u mhux x’titlef.
Il Pajjizi kollha ghamluha din ibda mil UK mela ahna speciala mhux bizzejed taghna il Gvern fuq kollox hemm l-option li ma issifirx.