Il-Proposta ta’ Bernard Grech biex tibdil f’żoni ODZ ikollhom bżonn żewġ terzi tal-Parlament

Blog post minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ fixkel lilu nnifsu u tkellem qabel ma ħaseb biżżejjed. Dan qed ngħidu għax ma jistgħax ikun li jipproponu xi ħaġa mingħajr ma tkun studjata tajjeb. Ma jistgħux joħorġu bi proposti li ma jiġux analizzati minn diversi angoli. Iridu jkunu ċerti u jitkellmu ma’ min jifhem fil-linja tal-ħsieb li tkun qed tiġi proposta, u mhux ikun importanti biss li ġie ħsieb u preżentawh.

Ma jistgħax il-Partit Nazzjonalista joħroġ proposta li tispiċċa tiġi kritikata ħafna fin-negattiv. Ma jistgħux jaslu għal ideat u jiġu fi stat ta’ basta jiftħu ħalqhom. Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista donnu għadu mhux konvint minnu nnifsu kif se jaħdem il-vot taż-żewġ terzi fil-parlament, fuq proġetti barra miz-zona tal-iżvilupp.

Issa donnhom qed imorru għall-ħsieb, li l-proġetti ta’ interess nazzjonali li jkunu se jsiru barra miz-zoni tal-iżvilupp, għandhom imorru quddiem il-parlament. Fil-fatt il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius, qal li dak li hu permessibbli llum jibqa’ permessibbli. Dak li ppreżenta Bernard Grech li proġetti f’żoni bħal dawn, jitressqu quddiem il-parlament, hija mhux biss dubbjuża imma wkoll imċajpra.

Bernard Grech xi ġranet ilu ħabbar li Gvern Nazzjonalista se jillimita żvilupp barra miz-zoni tal-iżvilupp għal proġetti ta’ interess nazzjonali wara li jkunu għaddew b’żewġ terżi mill-parlament. Fil-fatt Dr Grech kien nieqes ħafna mid-dettalji meta ħabbar din il-proposta. Dan in-nuqqas ta’ dettal qajjem ħafna mistoqsijiet, bħal per eżempju, jekk din il-proposta kienetx se tkopri wkoll applikazzjonijiet relatati ma’ agrikultura, bħalma huma ħitan tas-sejjiegħ, greenhouses, ġwiebi u kmamar tal-bdiewa.

Wara li ħareġ b’din il-proposta Dr Bernard Grech, saret konferenza stampa l-Erbgħa 15 ta’ Settembru minn Peter Agius fuq l-istess suġġett. Dr Agius ma spjegax kif din il-proposta se taħdem fil-prattika u jekk membri tal-parlament humiex se jkollhom janalizzaw dokumenti tal-ippjanar, qabel jivvutaw fuq il-proġett. Kien f’pożizzjoni li jikkommetti ruħu biss fuq prattiċi agrikoli, u qal li dawn ma jkollhomx għalfejn jersqu quddiem il-parlament.

Fil-fatt, kif diġa’ semmejna, dak li għandu permess illum jibqa’ bl-istess permess. Ir-risposti li ta’ Agius, naqsu li jkunu ċari, bħal liema huma dawk il-proġetti li jridu jmorru quddiem il-parlament u jekk dawn jinkludux proġetti privati, xogħolijiet fuq toroq u xogħol infrastrutturali bħalma huma żoni marittimi. Fil-fatt Dr Agius ammetta li l-Partit Nazzjonalista se jkun miftuħ għal suġġerimenti, kif qed tissuġġerixxi l-Kamra tal-Periti, biex ikun hemm klassifikazzjonijiet diversi ta’ żvilupp f’dawn iz-zoni partikulari.

Meta mistoqsi minn Malta Today jekk proġetti kbar ħafna, bħal ma hi l-estensjoni tal-lukanda ta’ Kemmuna, il-proġett tas-Central Link jew il-mina bejn Malta u Għawdex imorrux għal vot fil-parlament, Dr Agius wieġeb li fejn hemm żvilupp li diġa’ jeżisti, l-politika ta’ żvilupp diġa’ eżistenti tibqa’ titħaddem.

Biex jipprova jagħti eżempju, huwa semma l-każ taż-Żonqor li la ma hemm ebda żvilupp, allura dan ma għandu qatt jitħalla jsir. Meta mistoqsi dwar il-politika rurali li seħħet fl-2014 li tħalli l-iżvilupp ta’ farmhouses u villel minflok strutturi li qiegħdin barra miz-zona tal-iżvilupp, basta jiġi pruvat li kien hemm xi ħadd jgħix fihom, Dr Agius ħarab li jirrispondi.

Huwa ppropona klassifikazzjonijiet differenti ta’ żvilupp barra miz-zoni tal-iżvilupp u li jkun hemm regoli ċari ħalli nkunu ċerti li l-patrimonju Malti u Għawdxi jiġi salvagwardjat. Dr Agius ikkonferma li l-iżvilupp huwa mportanti basta ma jmurx kontra l-interess nazzjonali. Huwa saħaq li dak li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, huwa li qed jipproponi mekkaniżmu kif kull proġett ta’ interess nazzjonali jiġi approvat demokratikament mill-parlament. Huwa kompla li l-partit tiegħu mhux se jagħmel xi kruċjata kontra il-bdiewa anżi spjega li proġetti agrikoli mhux sewwa li jiġu analizzati u trattati fuq l-istess livell ta’ proġetti kbar ħafna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *