Il-PN irid jieqaf jaqla’ kummenti negattivi minħabba l-pożizzjoni ta’ Repubblika kontra Malta u l-Ewropa

Blog post minn osservatur politiku

Partit Nazzjonalista dejjem jaqla’ kummenti dispreġġjattivi fuq il-media soċjali grazzi għas-Soċjeta Ċivili. Dment li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ ma jitbiegħedx minn dawn l-għorrief ta’ Repubblika et al, se jkompli jaqla’ ġo l-istonku tiegħu minħabba dawn in-nies, suppost Nazzjonalisti, li ma jridux jaċċettaw li kull darba li jiftħu ħalqhom qed jagħmlu ħsara enormi lill-Partit Nazzjonalista. Kemm spiċċajna sewwa!! Min kien kontra l-Ewropa jispiċċa jagħmel diskorsi ewforiċi biex ifaħħar u jirringrazzja lil Unjoni Ewropea tal-għajnuna kollha li qed tagħti lil Malta. U l-Partit Nazzjonalista, għax jinsab ħaġa waħda ma’ Repubblika et al, jidher li qed jipprova jilgħaba tal-ħelu mal-istess Unjoni Ewropea.

Il-bieraħ fi Brussel u llum ġo Malta, l-President tal-Parlament Ewropew, Ursola von der Leyen, kellha biss kliem ta’ tifħir lejn Malta. Dan juri li l-partit fil-Gvern, li kien kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, qed jagħmel l-almu tiegħu biex jakkwista dak kollu possibbli mill-Unjoni.

Għal kuntrarju jkollok lil Robert Aquilina, li jwaħħal fl-Unjoni Ewropa minħabba l-impunita’ f’pajjiżna. Dawn l-aħbarijiet jinkitbu fuq il-media soċjali u jkun hemm ħafna kummenti, kemm favur kif ukoll kontra. Imma jkun hemm ukoll t-tgħajjir u min qed jaqla’ dan it-tgħajjir? Dan it-tgħajjir qed jaqilgħu l-Partit Nazzjonalista minħabba erba’ min-nies pompużi, li jaħsbu li pajjiżna jitmexxa minnhom, qed iparlaw fil-vojt u jagħmlu ħsara enormi lill-Partit Nazzjonalista stess. Dawn in-nies ta’ Repubblika u sħabhom l-oħrajn, jaħsbu f’xi ħaġa, jagħmluha u jiġi altament jitmellħu minn dak li jiġri lil Partit Nazzjonalista.

Veru li hawn ħafna nies li jaraw l-aħbarijiet fuq it-televiżżjonijiet diversi Maltin, imma hawn eluf kbar ta’ nies li jaqraw il-kitbiet u l-kummenti fuq il-facebook. Tiskanta kemm tiġri l-kelma fuq il-media soċjali u tiskanta kemm kien hemm nies li tqażżu b’dak li tagħmel Repubblika u l-paroli fil-vojt tagħha.

Illum għamlet oħra agħar għax kitbet lill-President tal-Parlament Ewropew. Ngħidlu lil Robert Aquilina u sħabu, biex jaraw ix-xandiriet minn Brussel il-bieraħ għad-diskors tagħha mill-Parlament Ewropew u llum fil-konferenza stampa mal-Prim Ministru Malti fil-Belt Valletta, forsi jindunaw kemm faħħret lil pajjiżna u ma qalet ebda kelma minn dak li qalulha Repubblika et al.

Se jdumu dawn in-nies jaqaw għan-nejk! Se jdumu jħamru wiċċ il-Maltin u l-Għawdxin! Se jdumu jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista! U fuq kollox se jdumu jagħmlu ħsara lil Malta! Possibbli ħadd ma jalqilhom ħalqhom lil dawn in-nies? Qed jirredikulaw irwiehom u qed jirredikulaw lill-Partit Nazzjonalista magħhom, dan kollu għax il-partit taħt it-tmexxija preżenti għadu mwaħħal magħhom u ma jridx jitbiegħed minnhom.

Komplu tpaxxew sinjuri amministraturi tal-Partit Nazzjonalista. Kompla uru li mingħajr dawn l-erba’ min-nies m’inthomx kapaċi tgħaddu! Komplu uru li dawn l-istess nies qed jiddettaw l-aġenda tal-Partit. Komplu tuhom ir-riħ. Komplu faħħruhom u rringrazzjawhom, imbagħad ejjew itolbuna l-vot. Ejjew għidulna biex inkunu partit mill-bidla li tixtiequ.

Dment li tibqgħu mċappsin ma dawn in-nies, hemm ħafna eletturi li se jgħidulkom grazzi tar-rikjesta tagħkom, imma aħna se nibqgħu gallarija, aħna se nibqgħu nistennewkom tieħdu l-passi li misskom ilkom li ħadtu, aħna se nibqgħu l-bogħod mill-bidla għax nafu kif qegħdin imma jekk nazzardaw nibdlu, ċ-ċans hu li b’Repubblika fit-tmun nkunu ħafna agħar.

Leave a Reply

Your email address will not be published.