Robert Abela u l-Awtorita’ tal-Ippjanar

Blog post minn osservatur politiku

L-Awtorita’ tal-Ippjanar naqset milli tforni lil Shift News informazzjoni mitluba taħt rikjesta tal-‘Freedon of Information’. Din ir-rikjesta kienet tinvolvi lista ta’ pagamenti li L-Awtorita’ għamlet lil Robert Abela, il-mara tiegħu Lydia u l-kumpanija legali li għandhom bejniethom. Din ir-rikjesta talbet elenku tal-pagamenti kollha li saru f’dawn l-aħħar għaxar snin lil dan l-uffiċċju legali, bħala serviżżi legali lill-Awtorita’ tal-Ippjanar.

L-Awtorita tal-Ippjanar qalet li l-informazzjoni rikjesta hija fid-dominju pubbliku u għalhekk ma taqax taħt l-obbligazzjoni ta’ informazzjoni skond il-‘Freedon of Information Act’. Huwa forsi veru li din l-informazzjoni tista’ tinġabar b’xi mod, imma kemm ikun iktar faċli li din l-Awtorita’ tgħaddi din l-informazzjoni, li żgur li hija ħafna iktar faċli għaliha li tforniha.

Tidher ovvja li l-Awtorita’ qed tagħmel minn kollox biex tiddefendi lill-Prim Ministru. Imma jekk ma hemm xejn ħażin f’dak li sar, l-Awtorita’ għandha tkun minn tal-ewwel li tforni l-informazzjoni, ħalli jekk ikun hemm xi dubju jitneħħa fil-pront.

Is-Shift News qed tgħid li r-relazzjoni bejn l-avukati Abela u l-Awtorita’ tal-Ippjanar ilha għaddejja aktar minn 20 sena. Din kienet bdiet ma’ missier il-Prim Ministru, George Abela, meta kien għadu avukat. Skond is-Shift News, Gvern Nazzjonalista fl-2001 kien ta’ kuntratt lil Dr George Abela biex iforni servizzi legali lill-Awtorita tal-Ippjanar wara li kien hemm espressjoni ta’ interess. Din kienet tinvolvi għexieren ta’ eluf ta’ euro li komplew jiżdiedu mas-snin.

Meta taqra dan l-artiklu ta’ Shift News tieħu l-impressjoni li hawn għandha sitwazzjoni ta’ ħokli dahri ħa inħoklok tiegħek, peress li f’dak iż-żmien George Abela kien aċċetta l-istedina tal-Gvern Nazzjonalista biex jgħin lil Gvern ta’ dak in-nhar jipprepara għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, meta l-Partit Laburista kien assolutament kontra li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. Dak iż-żmien kien hemm ukoll Ian Stafrace li kien partner fl-uffiċċju legali ta’ Abela, li kien nominat CEO tal-Awtorita’ ftit tas-snin wara. Dan ġie imġiegħel jirreżenja meta tela’ l-Gvern tal-Labour fl-2013. L-arranġament ta’ l-uffiċju legali ta’ Abela mal-Awtorita, komplew għaddejjin mingħajr interruzzjoni anke wara li George Abela sar President ta’ Malta għax damu sal-2020 meta Robert Abela sar Prim Ministru.

Skond riċerka li għamel The Shift News jidher li sas-sena 2011 l-Awtorita’ ħallset lil uffiċċju legali Abela €1.2 miljun. L-Abelas komplew jiċċarġjaw lill-Awtorita s-somma ta’ €120,000 kull sena meta tela’ fil-poter il-Gvern Laburista fl-2013. Sal-lum ħadd għadu ma ħadem is-somma totali, li l-Awtorita’ ħallset lill-Avukati Abela. L-Awtorita’ tal-Ippjanar tkompli tinsisti li ma tforniex l-informazzjoni fuq din il-kwistjoni.

Din l-informazzjoni kienet se tkun utli ħafna biex tnaqqas mid-diċeriji li hawn fost il-poplu kif akkumulaw ir-rikezzi li għandhom il-Prim Ministru u martu, meta huwa kkonsidrat li l-propjeta’ dikjarata minnhom, tiswa bejn wieħed u ieħor mat-3 miljun Ewro, mingħajr ma għandhom ebda self minn xi bank. Din l-informazzjoni tkun tista’ tiċċara kif il-Prim Ministru, li anke għandu yacht li stmat li jiswa €300,000, huwa kunsidrat bħala persuna sinjura, għalkemm għadu żgħir fl-eta’ u wara karriera legali qasira.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *