Kumment ta’ Bernard Grech dwar il-Vitals fl-Imqabba reġa’ wera kemm il-Partit Nazzjonalista huwa maqsum

Blog post minn osservatur politiku

Meta Dr Bernard Grech kien qed jirrispondi mistoqsijiet fl-Imqabba reġa’ qanqal xi ħaġa li kien ikun aħjar li ma lissen xejn fuqha. Qed nirreferi għal meta semma u rringrazzja lil Dr Adrian Delia tal-ġlieda li qed jagħmel biex irodd lura l-isptarijiet lill-Maltin u l-Għawdxin. Dr Grech reġa’ fetaħ ferita li, peress li għadha tnixxi, kienet tkun aħjar li ma ssemmitx.

Minn ħafna kummenti fuq il-media soċjali, ħafna qed jistaqsu fejn kien il-Partit Nazzjonalista meta Dr Delia fetaħ din il-kawża partikulari? Fejn kienu d-deputati sħabu li kollha kienu jafu b’dak li kien se jagħmel Dr Delia? Qed jistaqsu għaliex ma jngħaqdux miegħu mill-bidu tal-kawża? Mela issa jiġu jgħidu li jridu k-kawża f’isem il-partit kollu.

Kull min qed jikkummenta qed jifhem li din kienet mossa, mhux mistennija, biex jippruvaw jakkwistaw il-voti ta’ dawk li għadhom iħossu li Dr Delia ma kellux għax jitwarrab minn kap. Dawk il-kliem li qal Dr Bernard Grech reġa’ fetaħ il-kwistjoni tal-qasmiet li hemm fil-Partit Nazzjonalista. Reġa’ fakkar lil dawk li għadhom imweġġgħin li l-Partit Nazzjonalista issa għandu bżonnhom għax waslet l-elezzjoni u hemm il-bżonn il-vot tagħhom.

Kien ikun ħafna aħjar li kieku Dr Grech ma semma xejn, u l-ewwel darba li se jkun hemm seduta ta’ dik il-kawża partikulari, jmur u jagħti sostenn bil-preżenza tiegħu fil-qorti. Dik id-dikjarazzjoni li għamel Dr Bernard Grech reġgħet qanqlet u ressqet ‘l fuq il-problema tal-qasmiet fil-Partit.

Reġa’ kien hemm kummenti ta’ disprezz lejn Dr Delia, wara li qed jissogra kollox biex jipprova jagħmel il-ġid lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Reġgħet uriet kemm il-partit jinsab maqsum u kemm ma jistgħax jikkonsidra li jerbaħ l-elezzjoni li ġejja minħabba d-diviżżjonijiet li hemm. Dik id-dikjarazzjoni kienet insult lejn dawk il-partitarji u oħrajn li huma mdejqin bil-partit fil-Gvern. Dawn ma jistgħux jersqu lejn partit maqsum li ħsiebu biex jitfa’ botti wieħed kontra l-ieħor.

Wara dan il-kumment kompla ħareġ fiċ-ċar kemm għad hemm min ifixkel lil Dr Delia fix-xogħol li huwa qed jagħmel bħala deputat kemm barra kif ukoll fil-parlament u bħala kandidat fid-distrett tiegħu. Kien hemm kummenti jappellaw lil kull min jixtieq jeħles minn dan il-Gvern biex jingħaqad wara l-bandiera jew l-emblema tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa l-partit li għandu bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd u mhux stqarrijiet magħmulin minn individwi li jaraw sa mniħirhom u ma jirriflettux fuq il-konsegwenzi. Kummenti oħrajn qalu li jridu jġibu l-Partit qabel kollox u kulħadd. Kien hemm min talab bil-ħniena biex kulħadd joħroġ jivvota u ma jwarrabx il-partit imma jwarrab l-individwu li għadu jaħseb li jekk jifred jerbaħ. In-Nazzjonalisti jafu x’qed isir fil-pajjiż bħalma jafu x’sar u x’qed isir fil-partit tagħhom. Inħallu l-għażla f’idejhom bħalma tħallew għażliet f’idejn it-tesserati ftit tax-xhur ilu.

B’hekk ċertu diskorsi, anki jekk intenzjonati biex jagħmlu l-ġdid, xorta jistgħu jwasslu għall-konsegwenzi mhux mixtieqha fil-politika. Għax kif jgħid il-Malti. Il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar u l-eżempju f’dan il-każ kellu jkun li mill-ewwel jum li Bernard Grech sar kap, kellu jkun il-qorti, kif wiegħed u qatt ma għamel, jagħti l-appoġġ tiegħu lil Adrian Delia.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *