Il-kummissjoni elettorali u l-potenzjal konflitt ta’ interess li ġie maħluq

Il-Kummissjoni Elettorali bidlet il-kummissjonarji tagħha. Minn tmienja dawn issa saru għaxra. Qabel il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali kienet maqsuma f’erba’ kummissjonarji minn kull wieħed mill-partiti l-kbar u Kummissarju Elettorali Prinċipali nominat mill-partit fil-Gvern. Issa hemm għaxar kummissjonarji li nimmaġina li l-partiti l-kbar innominaw ħamsa kull wieħed. Il-Kummissjoni żammet erbgħa kummissjonarji li kellha qabel u żiedet sitta ġodda. Arranġament li nassumi li sar bejn il-partiti u allura naqblu miegħu wkoll.

Li ġara f’din il-Kummissjoni ġdida hija li issa din għandha erba’ kummissjonarji nisa. Dan seta’ jsir għax saru xi emendi fil-liġi elettorali u b’hekk żdied in-numru ta’ kummissjonarji kif ukoll il-liġi ġiet tirrifeletti rappreżentanza ugwali bejn is-sessi u fi kwalunkwe każ ma jkunux anqas minn erba’ membri ta’ kull sess. Fil-fatt il-liġi ppermetiet in-nomini ta’ erba’ membri nisa fuq il-Kummissjoni.

Biss tfaċċat xi ħaġa stramba f’dawn in-nomini. Hemm il-preżenza ta’ Veronique Dalli. Din, u nispera li m’hiniex żbaljat, hija oħt il-Ministru Miriam Dalli. Li jiġri fil-Kummissjoni Elettorali hija, li għalkemm tkun nominat minn partit politiku, inti bħala nominat tkun taqa’ direttament taħt il-kustodja tal-Kummissjoni Elettorali u allura mhux suppost ikollok wisq kuntatt mal-partit politiku li jkun nnominak. Fil-fatt ma tara xejn miktub jew imlissen mill-kummissjonarji rispettivi, li jkun jista’ jiġi meqjus partiġjan.

Imma wieħed jistaqsi kif tista’ oħt membru għoli f’partit politiku tkun maqtugħha mill-partit partikulari. Forsi din tista’ tingħad għal kull membru. Biss din tmur lilhinn minn hekk. Hija qrib ħafna ta’ persuna li hija ministru. B’hekk f’każ ta’ problemi fuq l-għadd tal-voti, li jistgħu jinqalgħu u li jkunu jikkonċernaw l-oħtha – kif ser tirreaġixxi?

Wieħed iħoss li nominazzjoni bħal din ma messiex saret, għax tista’ tibgħat messaġġ ta’ nuqqas ta’ indipendenza mill-partiti politiċi jew agħar konflitti ta’ interess personali. Possibbli ma setgħetx saret nomina mingħajr ma tkun tidher li hemm konnessjoni politika daqstant diretta jew li jista’ jkun hemm konflitt ċar ta’ interess bħal dan?

Apparti li l-pożizzjoni hija antipatika minnha infisha. Imma anke fuq il-Kummissjoni, li titlob indipendenza mill-partiti u nuqqas ta’ involviment fil-partit partikulari, tidher li ma tistax tkun viabbli fil-pożizzjoni tagħha. Din mhux neċessarjament li se jkun hemm xi indikazzjoni ta’ affarijiet illeċiti, imma xorta qed jintbagħat messaġġ ta’ nuqqas ta’ indipendenza u transparenza assoluta.

Niftakru li meta tasal l-elezzjonim il-kummissjonarji jersqu lejn sitwazzjonijiet pjuttost delikata, u ma tridx tara lil xi kummissjonarju jiddeċiedi xi ħaġa li tista’ tolqot lil xi ħadd viċin tiegħu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin. Il-kummissjonarji ma għandhomx jidhru li qed ikollhom diffikulta fid-deċiżjonijiet tagħhom minħabba xi kunflitt ta’ interess għax hemm membru tal-familja parteċipanti, speċjalment jekk dawn id-diffikultajiet, kif spjegajt aktar ‘il fuq, jistgħu jinqalgħu waqt proċess tal-għadd tal-voti.

Dan għandu jkun evitat akkost ta’ kollox.

One thought on “Il-kummissjoni elettorali u l-potenzjal konflitt ta’ interess li ġie maħluq

Leave a Reply

Your email address will not be published.