Messaġġi kontradittorji minn Jason Azzopardi u Bernard Grech fuq meta Malta tista’ titneħħa minn fuq il-lista l-griża

Nhar il-Ħadd, waqt li Bernard Grech kien qed ikun intervistat ġie mistoqsi dwar il-website l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista ‘kun il-bidla’. Bħala parti mit-tweġiba tiegħu Dr Grech semma l-greylisting ta’ Malta.

L-ewwel darba li semmieha Dr Grech kien qalilna, kważi wegħedna, li hu se joħroġ lil Malta mill-greylisting fi żmien tliet xhur. Ma kienx rabat din il-wegħda ma xi data tal-elezzjoni ġenerali imma kien qal li meta jieħu l-poter f’idejh joħroġ lil Malta mill-greylisting fi żmien 3 xhur. Mela kulħadd fehem li jekk l-elezzjoni ssir f’Novembru u jerbaħ Dr. Grech, Malta toħroġ mill-greylisting sa Frar tas-sena 2022. Fuq dan il-punt, dan is-sit tella’ numru ta’ artikli miktuba mill-kummentatur regolari tiegħu li jiffirma osservatur politiku.

Issa ejja naraw x’qal waqt l-intervista tal-Ħadd li għadda b’reazzjoni għal dawn l-artikli.

Meta nsemmi il-greylisting ħafna nies jgħiduli, imma kif ħa tagħmel fi tliet xhur toħroġ lil Malta mill-greylisting? Issa ftit ilu smajna li qegħdin jikkalkolaw tmintax-il xahar biex noħorġu mill-greylisting. Mela sewwa għidt jien. Jekk l-elezzjoni ssir f’postha, f’Ġunju, u żżid tliet xhur, meta għidtha, taf kemm kien fadal? Kien fadal sena u erba’ xhur. Mela kont qed ngħid affarijiet sew li nistgħu noħorġu lil Malta mill-greylisting ….”

Biss l-anqas leħaq spiċċa dan id-diskors tiegħu, li din l-affermazzjoni ġiet miċħuda din id-darba minn ħadd ħlief Jason Azzopardi. L-għada t-Tnejn, Azzopardi mar jitkellem fuq Lovin Malta. Waqt din l-intervista, Jason Azzopardi qal li qabel ma korrotti bħal Konrad Mizzi jinstabu ħatja tal-korrozzjoni, Malta ma titneħħix minn fuq il-greylisting. Tant kemm dan l-istatement intlaqa’ tajjeb minn Lovin Malta li għamlitu bħala titlu tal-artiklu tagħha dwar din l-intervista ta’ Jason Azzopardi.

Mela jekk dan hu minnu, żgur li ma jistax il-PN ineħħi lil Malta minn fuq din il-lista fi żmien tliet xhur, irrispettivament ta’ meta ssir l-elezzjoni, dan għaliex biex politiċi bħala Konrad Mizzi jinstabu ħatja, jridu jgħaddu aktar minn tliet xhur minn fuq l-elezzjoni. L-ewwel iridu jitressaq il-qorti mill-pulizija. Dan hu proċess twil, sakemm ma hux ġa qed isiru l-preparamenti u l-arrangamenti minn qabel biex dawn jiġu kkundannati fi żmien tliet xhur! Dak li hu żgur hu li Jason Azzopardi ġa għamilhom ħatja u la darba għamilhom ħatja huwa, dawn iridu jinstabu ħatja bil-fors mill-qrati tagħna. Biss xorta niddubita kemm dawn jistgħu jinstabu ħatja fi żmien daqshekk qasir!

Inħalli f’idejn il-qarrejja ta’ dan is-sit biex jiddeċidu waħedhom min qed jipprova jqarraq. Meta l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista jlissnu xi ħaġa għandhom jaraw li tkun kredibbli u mhux jispiċċaw jippruvaw jgħaddu lin-nies minn għajn il-labra. Meta titlissen xi ħaġa, il-poplu jrid jifhem sew dak li jkun intqal.

Ma jistax jiġi, wara ftit żmien, li wieħed jipprova jdawwar dak li jkun intqal, għax jispiċċa ma jitwemminx.

Leave a Reply